Fil-ġranet li ġejjin, l-aġenzija għall-Infurzar Lokali, il-LESA ser twaħħal erba’ speed cameras fi Triq il-Kosta. Il-LESA qalet li l-pjan tagħha huwa li jitwaħħlu żewġ speed cameras fuq kull naħa tat-triq.
Din l-Aġenzija qalet li dawn l-installazzjonijiet diġà ġew approvati minn Transport Malta. Spjegat ukoll li s-sinjali li javżaw lix-xufiera li jistgħu jiltaqgħu ma’ speed camera ġa twaħħlu.
Hija qalet li din it-triq rat fiha numru ta’ inċidenti koroh kif ukoll imwiet. Saħqet ukoll li kien hemm ukoll rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn Inkjesta Maġisterjali. Bil-għan li jonqsu l-inċidenti tat-traffiku f’din it-triq, sar studju biex jiġu identifikati l-postijiet fejn l-aktar iseħħu dawn l-inċidenti. Infatti l-ispeed cameras ser jitwaħħlu propju f’dawn il-black spots.
Il-LESA temmet tgħid li l-pjanijiet jinsabu fi stadju avvanzat u din saħqet li qed taħdem flimkien ma’ Transport Malta fuq bażi regolari biex l-inċidenti fit-toroq Maltin jonqsu.