B’investiment ta’ €350,000 ġew inawgurati erba’ vetturi elettriċi u sitt muturi għall-Aġenzija LESA, flimkien ma’ lbies prottetiv għall-ħaddiema.
Dan sar bħala parti mill-pjan tal-Gvern u tal-aġenzija biex il-flotta tinqaleb għal waħda nafifa u li tniġġes anqas.
Dan filwaqt li qed tingħata aktar għodda lill-istess aġenzija biex tkun aktar effiċjenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Svetlick Flores qal li permezz ta’ dan l-investiment, il-LESA qed tinvesti aktar fl-operat tagħha, waqt li tkun iżjed effiċjenti u b’hekk twessa’ s-servizzi tagħha fil-komunità.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri. Huwa qal li din l-aġenzija qed tkompli tinvesti fiha nnifisha u fil-ħaddiema tagħha biex finalment toffri servizz aħjar lis-soċjetà.
Iż-żewġ investimenti saru wara proċess ta’ tender rigoruż, sabiex jilħqu l-aspettativa tal-aġenzija.