Iktar minn 40 avveniment se jiffurmaw il-programm kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ta’ din is-sena.
F’konferenza tal-aħbarijet intqal li l-programm jinkludi avvenimenti differenti fosthom ta’ mużika, l-arti kontemporanja, iż-żfin, iċ-ċinema u t-teatru, u l-opra fost oħrajn.
L-avvenimenti matul l-2020 se jaraw il-parteċipazzjoni ta’ kważi 300 artist lokali u internazzjonali.
Fost avvenimenti fil-kalendarju jirritornaw dawk stabbiliti bħall-infjorata f’Mejju, Il-Pageant of the Seas f’Ġunju u ċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-aħħar tas-sena.
Magħhom jingħaqdu avvenimenti ġodda bħal Summer in the City – avveniment sajfi għall-familja kollha f’Lulju u Awwissu.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li wara s-suċċess ta’ Valletta 2018, illum il-Belt għandha Programm Kulturali tagħha b’investiment ta’ €3,500,000.
Is-Sur Micallef spjega li “Din l-aġenzija għandna entità governattiva kulturali li għandha programm eċċellenti u esklussiv mibni għall-bżonnijiet tal-Belt Valletta. Pjazez, teatri, swali imma anke żoni differnti fil-Belt Valletta. Kuntent ħafna b’dal-programm anke għax ser inkomplu nkattru l-legat tal-komunitajiet Beltin.”
Is-Sur Micallef spjega wkoll li l-programm kulturali jinkludi wkoll The Strada Stretta concept – intiż biex ikompli jagħti l-ħajja lil din il-parti ċelebri tal-kapitali Maltija.
Minn barra dan matul l-2020 se jinfetaħ il-Valletta Design Cluster f’dik li kienet il-biċċerija l-antika bil-għan li jgħaqqad flimkien il-kultura tal-kapitali mal-aqwa disinjaturi lokali u internazzjonali.
Is-Sur Micallef qal: “Se jkun spazju miftuħ għall-pubbliku, l-aktar il-komunità tal-Belt. Ħloqna ġnien fuq il-bejt għall-ewwel darba, naħseb li l-ewwel tax-xorta tiegħu b’koperazzjoni ma’ kumpanija internazzjonali Ġappuniża. Imma wkoll se jkun post fejn jagħti oppotunitajiet ġodda għall-gradwati ġodda għal żgħażagħ fil-qasam tad-diżinn, fil-perizja u fil-graphic design.”
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-Belt inbidlet f’ċentru kulturali mill-aqwa. Permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se titkompla l-ħidma fuq il-legat li ġabet magħha l-Kapitali tal-Kultura, filwaqt li jissaħħaħ is-settur kulturali.
Saħaq li permezz tal-Aġenzija qed tiġi pprovduta pjattaforma sodda għall-artisti lokali speċjalment minħabba li b’inizjattivi ta’ din is-sura qed jitwessgħu l-opportunitajiet artistiċi tagħhom kemm fuq livell lokali, kif ukoll internazzjonali.