L-aġenzija Infrastructure Malta bdiet b’inizjattiva ġdida b’membri tal-Customer Care tagħha jitkellmu u jispjegaw il-ħidma, li tkun se ssir qabel jibdew xogħlijiet infrastrutturali f’toroq residenzjali.
Dan l-eżerċizzju, li qed jibda jsir qabel il-bidu ta’ proġett, se jgħin lill-entità tiġbor ir-rispons tar-residenti biex il-ħidma wkoll issir bl-inqas inkonvenjent possibbli.
Dan l-impenn diġà sar f’toroq fil-lokalitajiet ta’ Santa Venera u l-Belt Valletta.
Dwar din l-inizjattiva tkellem l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul.
“Bdejna din l-inizjattiva importanti ħafna, li qabel jibdew ix-xogħlijiet, nitkellmu mar-residenti, mal-komunitajiet tagħna. Nispjegaw ix-xogħlijiet, li se jkunu qed isiru u kif se jkunu qed isiru u, fl-istess ħin, għalina nifhmu r-residenti x’għandhom bżonn biex naċċertaw, anke f’ċertu dettal, li fejn nistgħu naħdmu aħjar inkunu nistgħu naħdmu aħjar.”
Steve Ellul – Kap Eżekuttiv IM
Dan filwaqt li l-Perit fi ħdan Infrastructure Malta, Noel Gauci, spjega xi jsir min-naħa tal-aġenzija, flimkien ma’ entitajiet oħrajn, wara li tkun saret il-konsultazzjoni mal-pubbliku.
“Il-proċess min-naħa ta’ Infrastructure Malta jibda b’mod immedjat, nitkellmu mal-entitajiet u nispjegawlhom fejn ħa nkunu qegħdin nintervjenu biex eventwalment l-entitajiet, l-Enemalta, kemm il-WSC, jagħtuna l-feedback min-naħa tagħhom. Jagħtuna l-feedback fis-sens, ladarba se jsir intervent fit-triq ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet massimi li jkunu ppjanati mill-entitajiet.”
Noel Gauci – Perit IM
Ħaddiema tal-aġenzija flimkien mas-Sindku tal-Belt Olaf McKay, tkellmu mar-residenti u sidien ta’ negozji fi Triq San Ġwann u ntlaħaq qbil biex ix-xogħlijiet isiru fil-bidu tas-sena d-dieħla, bl-inqas inkonvenjent possibbli.
Akkumpanjati mis-Sindku ta’ Santa Venera, Gianluca Falzon, ħaddiema tal-aġenzija spjegaw ix-xogħlijiet, li kellhom jibdew fi Triq Emanuel Attard u Triq il-Parata.
Partijiet minn dawn it-toroq se jkunu magħluqin biex isir xogħol ta’ tisħiħ fuq is-servizzi ta’ taħt l-art, bini mill-ġdid tal-bankini u triq fuq pedamenti aktar b’saħħithom.
Dwar dan ikkummentaw is-Sindki rispettivi.
“Naraw x’jolqothom, naraw kif nistgħu naħdmu aħjar u naraw kif nistgħu nirranġaw din it-triq. L-ewwelnett biex insebbħu din l-area ta’ fejn jopera dan in-negozju, kif ukoll nagħmluha aktar sigura, aktar aċċessibbli u aktar durabbli biex isservi aħjar.”
Olaf McKay – Sindku Belt Valletta
“Tkellimna fuq sfidi, fosthom għargħar, kif ukoll sfidi oħrajn ta’ aċċessibilità aħjar tal-bankini u iva se nkunu qegħdin nagħmlu dak kollox possibbli biex negħlbu dawn l-isfidi flimkien.”
Gianluca Falzon – Sindku Santa Venera