Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol stqarr li l-aġenzija Identità qed tkun trasparenti u effiċjenti biex tikkopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni għat-twettiq tal-ġustizzja.
Stqarrija mill-Gvern irreferiet għal dikjarazzjoni mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li mill-ġdid iddeċidiet li tkun populista u talbet li Identità tippubblika l-investigazzjoni interna li saret dwar l-allegat ħruġ ta’ karti tal-identità foloz.
Il-Ministeru qal li, b’dak li qed titlob l-Oppożizzjoni taf li possibbilment jiġi ppreġudikat il-każ, waqt li tiġi mfixkla r-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Ingħad li l-Oppożizzjoni taf ukoll li kien ikun aktar għaqli li kieku stabbilixxiet il-fatti qabel, għal darb’oħra, għażlet li tkun populista. Minflok, kif kien diġà rrapportat, kienet l-aġenzija stess li, fis-7 ta’ Awwissu, offriet l-assistenza meħtieġa lil sidien ta’ proprjetajiet li jirċievu ittri indirizzati lejn persuni mhux irreġistrati fuq ir-residenza tagħhom.
B’referenza għal dan, il-Ministeru sostna li l-ġustizzja ma ssirx bir-rapporti fil-midja, iżda billi jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji quddiem allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ liġi u dan billi jsir rapport lill-Pulizija.
L-aġenzija Identità mhux biss diġà għamlet dan, iżda qed tieħu bis-serjetà kwalunkwe allegazzjoni, dubju jew rapport li jasal għall-attenzjoni tagħha. Illum, bl-istrutturi msaħħa ta’ diliġenza u konformità, l-aġenzija għandha l-għodda kollha biex tagħmel dan b’aktar trasparenza u effiċjenza u qegħda f’pożizzjoni aqwa biex tkun tista’ tikkopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni għat-twettiq tal-ġustizzja.
Minbarra hekk, kienet ukoll hi li, wara investigazzjoni interna mit-Taqsima tal-Compliance u l-Expatriates Unit, għaddiet l-informazzjoni, inkluż il-provi kollha misjuba, lill-Korp tal-Pulizija biex tkompli tistħarreġ u tieħu kwalunkwe azzjoni neċessarja skont il-liġi.
Identità diġà qalet, preċedentement, li hemm raġunijiet varji għalxiex każi simili jseħħu, fosthom li inkwilini ma jinformawx lilha jew fornituri ta’ servizzi bi bdil tar-residenza.
Il-Ministeru tenna l-appell biex kumpaniji u fornituri ta’ servizzi lokali jivverifikaw l-indirizz tal-klijent mad-dokument tal-identità qabel jirreġistraw id-dettalji fis-sistemi tagħhom.