L-aġenzija governattiva Identità sostniet li s-sistema msaħħa tagħha wasslet biex persuni effettivament tressqu l-Qorti. Dan hekk kif wara investigazzjoni interna fi ħdanha, għaddiet l-informazzjoni kollha lill-Pulizija, inkluż il-provi li nstabu, biex jittieħdu l-passi neċessarji.
Fi stqarrija b’reazzjoni għat-tnedija ta’ inkjesta maġisterjali dwar allegat frodi minn xi uffiċjali, Identità tenniet li hi tinvestiga kull suspett li jista’ jkun hemm u tgħaddi l-informazzjoni lill-awtoritajiet konċernati.
Saħqet li tagħmel dan, għax ma tittollera l-ebda forma ta’ abbuż jew azzjonijiet li, b’xi mod jew ieħor, jaffettwaw l-integrità tagħha u l-fiduċja li l-pubbliku għandu fiha.
Insistiet li hi kommessa tkompli tikkopera bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet kollha, inkluż fl-inkjesta maġisterjali.