L-Aġenzija għall-vittmi tal-kriminalità issa ser toħroġ miċ-ċentru tagħha fil-Belt biex tibda l-ħidma tagħha fil-komunitajiet.
Dan permezz ta’ żewġ ċentri ġodda, fin-naħa ta’ isfel u n-naħa ta’ fuq ta’ Malta u ieħor f’Għawdex.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri waqt konferenza stampa li fiha ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija u l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija.
Dan sabiex l-Aġenzija tibda taħdem permezz ta’ ċentru f’din il-lokalità.
Il-Ministru Camilleri stqarr kif dan il-Gvern qed jara li l-ebda vittma ma’ titħalla waħidha f’dak li possibilment jista’ jkun l-iktar żmien diffiċli f’ħajjitha minħabba l-kriminalità.
Huwa qal, “Rajna wkoll illi mhux biss ikun offrut minn ċentru ċentralizzat ġewwa l-Belt Valletta iżda wkoll nimxu fil-lokalitajiet sabiex nagħmlu outreach. Idealment kull vittma ta’ kriminalità ġewwa pajjiżna tkun taf b’dan is-servizz u tifittex is-servizz sew jekk hux professjonali, sew jekk hux emozzjonali, sew jekk hux dak marbut mal-korp tal-pulizija sabiex tkun tista’ tiġi mgħejjuna fl-iktar żmien li tkun anke l-iktar vulnerabbli f’ħajjitha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Brian Farrugia stqarr kif sa minn meta ġie imwaqqfa l-Aġenzija f’April, diġà ġew mgħejjuna mat-300 vittma tal-kriminalità: “Minn hemmhekk inkunu nistgħu noffru s-sessjonijiet fuq sapport emozzjonali, kif ukoll informazzjoni u nqajjmu aktar għarfien. Għarfien dwar x’għandu jagħmel persuna, jekk jiltaqa’ ma’ persuna oħra li jisfa vittma tal-kriminalità.”