L-aġenzija internazzjonali tal-kreditu, Creditreform, ikkonfermat mill-ġdid rating ta’ A+ stabbli lil pajjiżna.
Dan huwa l-aqwa rating li qatt ingħatat Malta minn din l-aġenzija.
Fost ir-raġunijiet li ngħataw għal din id-deċizjoni, Creditreform sostniet li pajjiżna kellu tkabbir ekonomiku qawwi, tant li kkwotat statistika tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li turi kif bejn l-elfejn u wieħed u għoxrin u s-sena l-oħra, il-ġid nazzjonali ras għal ras tjieb b’aktar minn 13%, li jfisser l-ogħla tkabbir fost il-pajjiżi kollha b’rating ta’ A u aktar.
Skont Creditreform, kawża ewlenija ta’ dan it-tkabbir kienet id-deċizjoni tal-Gvern li jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Dan filwaqt li l-prospetti ekonomiċi jibqgħu positivi minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali għax pajjiżna mistenni jkompli jirriforma u jinvesti.
Anke permezz tal-pjan ta’ rkupru u reżiljenza, li mistenni jwassal għal bidliet strutturali pożittivi li se jwasslu għal żieda fit-tkabbir ekonomiku.
Fir-rigward tas-sitwazzjoni fiskali, l-esperti internazzjonali sostnew li l-livell moderat tad-dejn nazzjonali jnaqqas ir-riskji ta’ nuqqas ta’ sostenibbiltà fiskali.
Il-livell tad-dejn mhux mistenni jiżdied b’mod sinjifikanti minkejja d-defiċit u l-għajnuniet li qed jagħti l-Gvern Malti.
L-esperti ta’ Creditreform kellhom kliem ta’ tifħir għall-ekonomija Maltija, tant li sostnew li pajjiżna għandu “strong macroeconomic profile, with high and rising per capita income levels and a favourable digital ecosystem”.
Ir-rapport jinnota kemm pajjiżna għandu settur tas-servizzi li qed jiddiversifika dejjem aktar. Barra minn hekk, l-aġenzija hija tal-opinjoni li sensiela ta’ bidliet leġiżlattivi ser iwasslu biex Malta tkun post aħjar fejn ikollok negozju.
Fl-aħħarnett l-esperti internazzjonali sostnew li Malta għandha qafas istituzzjonali b’saħħtu u bassru li l-maġġoranza sostanzjali li jgawdi minnha l-Gvern ser twassal għal aktar riformi u titjib.