Fil-ġimgħa relatata mal-ftuħ tal-iskejjel, l-Aġenzija Aquatic Resources Malta, ħadet deċiżjoni li l-impjegati jaħdmu mid-dar u jirrapportaw fuq il-post tax-xogħol tagħhom fid-9:00am fil-Forti ta’ San Luċjan.
Dan ingħad waqt it-tħabbira tal-ewwel proġett minn ħmistax li bħalissa l-Aġenzija qed taħdem fuqhom, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Frank Fabri, qal kif din il-miżura hi ppjanata bil-għan u bħala sforz biex jitnaqqsu l-vetturi mit-toroq waqt il-ħin li l-istudenti jinġarru lejn l-iskejjel.
Dr Fabri nnota li madwar 85% tal-istaff ser ikun qed jaħdem mid-dar u jirrapporta fuq il-post tax-xogħol fid-9:00 ta’ filgħodu, waqt li madwar 15% tal-impjegati ser ikunu qed iwettqu xogħlijiet li huma inevitabbli. Hu rringrazzja lill-impjegati tal-Aġenzija Aquatic Resources Malta li marru lil minn mid-dmirijiet tagħhom biex ikunu ta’ kontribut f’sitwazzjoni partikolari f’mument partikolari.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, faħħret din l-inizjattiva min-naħa tal-Aġenzija filwaqt li rrikonoxxiet ukoll il-ħidma li ssir mill-impjegati matul din is-sena.
Bħalissa l-Aġenzija qed taħdem fuq proġett dwar id-diversifikazzjoni fi speċi tal-ħut.