L-aġenzija ġdida, Aquatic Resources Malta, intiża biex tiżviluppa proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fis-sajd u l-akwakultura, qed taħdem fuq proġett pilota favur ir-ripopolazzjoni tar-rizzi.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-sajd u l-akwakultura, Alicia Bugeja Said żaret il-ħaddiema tal-aġenzija fejn segwiet il-ħidma b’rabta ma’ dan il-proġett pilota.
Waqt din iż-żjara hija kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri u mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Frank Fabri, li rrimarka dwar l-investiment li qiegħed isir fosthom fil-ħaddiema.
Qal, “Qed ninvestu ħafna fuq ir-riċerka li kienet għaddejja u bdejna diġà inżidu riċerka f’areas oħra li huma ġodda u għaddejjin b’ħidma interessanti wkoll ta’ kuntatti ma’ ċentri simili ħafna għal tagħna barra l-pajjiż inkluż ċentri Ewropej u anki ‘l barra mill-Ewropa.”
Minn naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said, irreaġixxiet għall-ħidma li qed tittella’ minn din l-aġenzija.
Spjegat kif, “Ħadt gost ħafna niltaqa’ ma’ diversi ħaddiema li huma impenjati f’dan is-settur, anki żort ir-riċerka li qed issir fuq ir-rizzi u jiena nħares ‘il quddiem sabiex bl-investiment tal-Gvern inkomplu nsaħħu r-riċerka tagħna f’dan ir-rigward.”