B’referenza għall-każ tat-tarbija abbandunata f’Buġibba, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jista’ jikkonferma li Aġenzija Appoġġ – permezz tal-professjonisti li jaħdmu fi ħdanha – se tieħu r-responsabbiltà tat-tarbija. Il-maġistrat inkwerenti informa lill-kap eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali li minn issa ’l quddiem Aġenżija Appoġġ tista’ tibda tmexxi bil-proċeduri biex it-tarbija titpoġġa taħt care order.Is-social workers fi ħdan Aġenzija Appoġġ qed jaħdmu b’koordinament mal-awtoritajiet konċernati u hekk kif kienu infurmati bil-każ marru l-Isptar Mater Dei u sar l-assessjar tas-sitwazzjoni tat-tarbija. Ħadu ħsieb ukoll li jaraw li t-tarbija jkollha n-neċessitajiet kollha f’mument tant delikat.
Aġenzija Appoġġ tinsab preparata biex tkompli tintervjeni skont in-neċessità tal-każ b’kollaborazzjoni u b’kawtela mal-maġistrat inkwerenti li qed imexxi l-inkjesta u mal-pulizija li qed jissoktaw bit-tfittxija għal omm it-tarbija.
Is-sigurtà u s-saħħa tat-tarbija huma fatturi li jiddeterminaw x’interventi hemm bżonn biex jiġi aċċertat li l-bżonnijiet tat-tarbija huma mħarsa.
Intant, it-tarbija qed tinżamm l-Isptar Mater Dei għal aktar osservazzjoni filwaqt li l-Maġistrat inkwerenti ħatar lill-manager taċ-Child Protection Services Steve Libreri biex jgħinu fl-inkjesta.