L-intriċċi li għaddejjin fil-Partit Nazzjonalista waqt il-kampanja elettorali għall-Kap tal-Partit bejn Adrian Delia u ż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Bernard Grech issa komplew joħorġu fil-beraħ.
Dan meta l-kap tal-Partit Nazzjonaista Adrian Delia fuq Facebook qal kif l-“aġenti tal-gideb”, f’botta ċara lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għaddejja b’kampanja ta’ qerq kontrih.
Delia qed jakkużhom b’dawn l-intriċċi wara li kemm hu kif ukoll Bernard Grech dehru jiġu intervistati f’edizzjoni online tal-programm Xarabank. B’dawk imsejħa l-aġenti tal-gideb kienu l-moħħ wara l-filmati qarrieqa fil-konfront tiegħu.
Delia qal: “Il-kampanja ta’ ħmieġ fil-konfront tiegħi għaddejja b’rankatura qawwija.”
“Il-giddieb jinkixef u jitlef” qal Delia f’botta lejn Bernard Grech u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Intant partitarji Nazzjonalisti urew l-għadab tagħhom b’dawn l-intriċċi li qed issiru fil-partit tagħhom.
Partitarju li qal li ilu għal dawn l-aħħar sittin sena voluntier tal-Partit Nazzjonalista qal li qatt f’ħajtu ma ra din il-mibgħeda fil-partit li suppost iħaddan il-valuri Kristjani u dawk demokratiċi. Appella sabiex dawn l-aġenti tal-gideb joħoġu fil-beraħ u mhux jinħbew aktar.
Filwaqt li partitarja oħra qalet kif il-partit qatt ma jista jkun magħqud għaliex, huma b’referenza għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, qed tmur kontra r-rieda tat-tesserati. Qalet “M’għandna l-ebda libertà sabiex nagħżlu u din hija tal-biża’ ħafna.”
Partitarja oħra li kompliet ma dawk ta’ qabel, qalet li fil-Partit Nazzjonalista qatt ma kien hemm daqshekk ħdura kontra l-kap tal-partit. Hija żiedet tgħid b’referenza għall-fazzjoni ta’ Busuttil, li aktar ma jagħmlu aktar ikunu qed jitfgħu l-ġebla fuq saqajhom.