Joe Mizzi, l-aġent tal-BWSC li jibqa’ famuż għad-dikjarazzjoni li sab il-kumpanija ta’ Żaren Vassallo minn fuq il-Yellow Pages, ma jridx jixhed f’każ il-Qorti dwar il-miljuni ta’ ewro li ħa minn dan il-proġett.
Dan għaliex qiegħed jibża’ li jinkrimina ruħu. Dan ġie żvelat mill-gazzetta Kullħadd, fejn irrapporta kif din il-ġimgħa stess il-Qorti ordnat lil Mizzi sabiex f’Jannar illi ġej jixhed f’każ serju li hemm kontrih.
Il-każ huwa marbut mal-bini tal-power station tal-BWSC f’Delimara fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista. Każ li għadu ma mietx, tant, li dwaru għad hemm kawża pendenti li qed tinstema’ quddiem l-Imħallef Anna Felice.
Il-kumpanija Associated Supplies qed tfittex lil Joe Mizzi għal miljuni ta’ ewro li l-kumpanija qed targumenta li kienu dovuti lilha u mhux lil Joe Mizzi, li aġixxa għal rasu minflok f’isimha. Dan anke jekk kien beda ċerta kuntatti meta kien jaħdem magħha.
Il-gazzetta Kullħadd isemmi kif minn dak li kien ħareġ fi żmien li faqqa’ l-iskandlu tal-BWSC, deher li Joe Mizzi kellu kuntatti tajbin ħafna fid-dinja fejn jittieħdu deċiżjonijiet u dawn kienu kapaċi jisfruttawhom sew.
L-akkuża u l-allegazzjoni f’dan il-każ huma li Joe Mizzi lagħab logħba maħmuġa biex kuntatti li bdew f’isem il-kumpanija li kien jaħdem magħha dawwarhom għall-vantaġġ tiegħu.
B’hekk, għadu ħaj wieħed mill-iktar każi skandalużi fl-aħħar snin f’pajjiżna fejn il-miljuni li tħallsu f’commissions baqgħu ma nstabux fil-kontijiet ta’ Joe Mizzi.