L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ċaħad qlajjiet u allegazzjonijiet marbuta mat-tluq minn Malta tar-Russa li ma dehritx il-Qorti wara li għamlet diversi allegazzjonijiet fil-konfront ta’ persuni differenti. L-istqarrija tal-Avukat Ġenerali tgħid:
B’referenza għall-allegazzjonijiet li dehru fil-media soċjali, fis-sens illi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali b’xi mod iffaċilita l-għejbien ta’ Maria Efimova, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li jiċħad dawn l-allegazzjonijiet qiegħed jippreċiża dan li ġej:
Meta Maria Efimova tressqet il-Qorti b’arrest fuq akkużi ta’ serq, miżapproprijazzjoni u frodi fit-23 t’Awwissu 2016 il-prosekuzzjoni, li kienet tinkludi l-eks-Uffiċjal tal-Pulizija li llum qed jiġi rrapportat li qal li dejjem oġġezzjona għall-ħelsien bil-libertà provviżorja, ma kinitx oġġezzjonat għal-libertà provviżorja diment li jkunu imposti ċerti kundizzjonijiet. Il-Qorti kienet akkordat il-libertà provviżorja taħt kundizzjoni, fost affarijiet oħra, li l-akkużata kellha sal-għada biex tiddepożita fil-Qorti l-passaport Russu kif ukoll il-passaport Russu intern tagħha u kellha tagħmel garanzija personali ta’ EUR 8,500 apparti li regolarment tiffirma l-għassa tal-Pulizija.
L-akkużata effettivament ġiet rilaxxata bil-libertà provviżorja.
Fit-30 ta’ Awwissu 2016 l-akkużata ppreżentat rikors biex titħalla ssiefer u l-Qorti ordnat illi għal dan il-għan l-akkużata kellha tagħmel depożitu effettiv ta’ EUR 9,500 u garanzija personali ta’ EUR 15,000 fost kundizzjonijiet oħra.
Illi fis-7 ta’ Settembru 2016 l-akkużata ppreżentat rikors ieħor biex titħalla ssiefer, u sabiex id-depożitu effettiv ta’ EUR 9,500 u l-garanzija personali ta’ EUR 15,000 li kienu gew imposti fuqha jitnaqqsu, peress li hi ma kellhiex il-mezzi biex tagħmel tajjeb.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien oġġezzjona għal din it-talba minħabba l-periklu ta’ ħarba.
Il-Qorti , b’ digriet tat-12 ta’ Settembru 2016, kienet laqgħat it-talba parzjalment billi niżlet id-depożitu effettiv għal EUR 5,000 u neħħiet il-garanzija personali.
Illi fid-29 ta’ Marzu 2017 l-akkużata ppreżentat rikors fejn talbet li tingħata permess ssiefer fuq xogħol peress li qalet l-kumpanija li kienet dak iż-żmien timpjegaha kellha uffiċċju fi Spanja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka. Hija talbet illi tingħata permess biex issiefer abbażi ta’ garanzija personali ta’ EUR 8,500 li kienet għamlet meta ħarġet bil-libertà provviżorja u li jiġu rilaxxati lilha d-dokumenti kollha ġia ddepożitati l-Qorti li kienu jinkludu; passaport Russu, il-permess ta’ residenza f’Malta (li l-akkużata sejħitlu Karta tal-Identità) u l-passaport intern Russu. Illi in sostenn ta’ dan ir-rikors ġiet preżentata kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-akkużata kif ukoll dikjarazzjoni tal-kumpannija li magħha kienet impjegata, fis-sens li l-akkużata kienet ilha impjegata sa mid-9 ta’ Mejju 2016 kif ukoll li l-kumpannija verament kellha uffiċċji fi Spanja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka.
Illi fir-risposta għal dak ir-rikors l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma kienx oġġezzjona però impona kundizzjonijiet, fis-sens illi lill-akkużata kellu jingħatalha biss il-passaport Russu, li dak il-passaport kellu jkun ristrett għal safar għal Spanja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, illi l-akkużata tagħmel depożitu effettiv t’elfejn ewro fir-Reġistru tal-Qrati u illi l-Pulizija Eżekuttiva tiġi infurmata bir-ritorn tal-akkużata f’Malta fi żmien tnax-il siegħa mill-istess ritorn.
Il-Qorti laqgħet it-talba billi ordnat illi jiġi ritornat il-passaport Russu lill-akkużata u li s-safar jiġi ristrett għall-Unjoni Ewropea u jsir id-depożitu t’elfejn ewro.
Illi fid-19 t’April 2017 l-akkużata reġgħet għamlet rikors ieħor fejn talbet li b’żieda ma’ dak konċess lilha hija titħalla tirtira l-permess ta’ residenza f’Malta (li reġgħet sejħitilha “Karta ta’ Identità) u l-passaport intern Russu.
Illi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma oġġezzjonax diment li l-Karta tal-Identità tkun limitata għall-użu ġo Spanja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, u illi l-akkużata tirritorna l-passaport Russu.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien oġġezzjona li jiġi rilaxxat il-passaport intern Russu.
Il-Qorti fil-fatt irrifjutat din it-talba tal-akkużata.
Illi llum fil-proċess għad hemm il-Passport Russu, il-passaport intern Russu u l-permess ta’ residenza f’Malta u għalhekk dawn id-dokumenti ma ntużawx mill-akkużata.
Dan juri li hija bla bażi u ma tagħmel l-ebda sens l-allegazzjoni li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali b’xi mod iffaċilita l-għejbien tal-akkużata.