L-AG b’ċaħda dwar storja fil-Mument – qatt ma ntalbet l-estradizzjoni ta’ wlied Dalli
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ċaħad allegazzjonijiet li dehru fil-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista il-Mument u għall-kuntrarju ta’ dak li rrapportat qal li qatt ma rċieva l-ebda talba għall-estradizzjoni ta’ Claire Gauci Borda u Louisa Dalli.
Il-midja Nazzjonalista dalgħodu allegat li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu talbu għall-estradizzjoni Gauci Borda u Dalli, u li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mmexxi mill-Avukat Ġenerali Peter Grech, kien kaxkar saqajh biex l-istess persuni jitressqu quddiem il-Qorti f’Malta.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għmilha ċara li taħt il-liġi huwa ma għandux il-funzjoni li jressaq persuni quddiem il-Qorti.
Qal li meta ntalab parir legali, dan ingħata mingħajr dewmien.
Waqt li tenna li qatt ma rċieva talba għall-estradizzjoni tal-persuni msemmija jew b’rabta mal-każ in kwistjoni, irċieva biss ittra rogatorja fejn l-Awtoritajiet tal-Istati Uniti talbu l-ġbir ta’ għadd ta’ provi.
Qal li l-Uffiċċju mexxa dik l-ittra rogatorja mingħajr dewmien quddiem il-Qorti skont il-liġi, u l-provi mitluba llum kważi nġabru kollha mill-Maġistrat.