Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kienet waħda mill-kelliema ewlenin waqt laqgħa ta’ livell għoli fuq it-tisħiħ ta’ sħubijiet globali għat-Third Industrial Development Decade for Africa (2016 – 2025). Din il-laqgħa kienet organizzata mill-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp Industrijali tal-Ġnus Magħquda (UNIDO) fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.Il-President bdiet l-intervent tagħha billi rringrazzjat lill-UNIDO u lid-Direttur Ġenerali, Li Yong, talli “ħoloq dan l-ispazju biex titkompla d-diskussjoni fuq din il-viżjoni ta’ kontinent Afrikan, b’potenzjal kbir, arrikkit bil-kapital uman u b’riżorsi diversi”.
Il-President Coleiro Preca saħqet li hi temmen li din il-viżjoni tal-kontinent Afrikan tista’ tiġi implimentata effettivament, permezz ta’ ambjent kummerċjali, governanza tajba, framework leġiżlattiv u regolamentazzjoni, sabiex b’hekk l-entitajiet kummerċjali jiġu pprovduti bi protezzjoni adegwata għall-konsumatur flimkien ma’ ċertezza legali. Żiedet tgħid li hija tinsab “konvinta li dan kollhu jgħin sabiex tinbidel il-perċezzjoni ħażina ta’ ċertu pajjiżi, li sa issa, jħarsu lejn l-Afrika mill-perspettiva tal-immigrazzjoni, u mhux bħala kontinent ta’ opportunitajiet”.
Il-President tenniet li rekwiżit fundamentali ieħor għal tkabbir soċjo-ekonomiku fl-Afrika huwa l-bżonn ta’ aċċess universali għal sistema edukattiva sostenibbli, bit-taħriġ vokazzjonali bħala parti intrinsika fil-ħajja taż-żgħażagħ fl-Afrika. Dan kollhu jwitti t-triq għal workforce Afrikana flessibbli u kkwalifikata, ħaġa li tant hija bżonnjuża.
“Jiena ninsab konvinta li dawn ir-rekwiżiti fundamentali flimkien ma’ żona Afrikana kontinentali ta’ kummerċ ħieles, bħala parti mit-tielet deċennju għal żvilupp industrijali ġewwa l-Afrika, se jassiguraw prosperità inklussiva, flimkien ma’ wellbeing ħolistiku għall-popli Afrikani kollha”, qalet il-President.
Waqt li tkellmet mill-esperjenza personali tagħha, li tinkludi żjarat statali f’pajjiżi Afrikani fejn mexxiet delegazzjonijiet kummerċjali u li matulhom rat ir-rieda għal kollaborazzjonijiet ġenwini u sħubijiet strateġiċi mill-awtoritajiet u s-settur kummerċjali Afrikan, il-President esprimiet il-konvinzjoni tagħha li l-Afrika tinsab lesta biex tilqa’ investiment ġenwin u sostenibbli, sabiex timmassimizza il-potenzjal għat-tkabbir tal-pajjiżi Afrikani flimkien mal-potenzjal uman tan-nies tal-Afrika.
Il-President Coleiro Preca tenniet ukoll li fil-kuntest tal-potenzjal għat-tkabbir tal-kontinent Afrikan għandha tingħata importanza xierqa lill-parteċipazzjoni tan-nisa, u qalet li mkien fid-dinja ma tista’ tinkiseb prosperità sostenibbli mingħajr ma qabel tinkiseb ugwaljanza bejn il-ġeneri, u li l-parteċipazzjoni tan-nisa hija essenzjali għall-prosperità soċjo-ekonomika tal-Afrika.
Il-President appellat ukoll lis-setturi privati u pubbliċi tar-reġjun Ewro-Mediterran biex jesploraw il-possibiltajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ kontroparti Afrikani, sabiex jibbenefikaw mill-potenzjal sħiħ tal-Afrika fir-rigward ta’ entitajiet kummerċjali kif ukoll għan-nies tal-Afrika.
“Konvinta li l-Afrika għandha l-potenzjal biex tagħti kwalità ta’ ħajja lill-popli tagħha, speċjalment liż-żgħażagħ. Is-suċċess tat-Tielet Deċennju għal Żvilupp Industrijali tal-Afrika jservi wkoll bħala komponent kruċjali fl-implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda 2030 u s-17-il Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dan l-impatt pożittiv se jitgawda mhux biss mill-pajjiżi Afrikani, iżda se jaffettwa wkoll, b’mod pożittiv lill-umanità kollha”, ikkonkludiet il-President Coleiro Preca.