Is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta qatt ma naqsu mid-dmir tagħhom biex, skont il-liġi, isalvaw il-ħajjiet li jkunu f’periklu bejn sema u ilma.
Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri f’intervista mal-Malta Independent, fejn tkellem dwar il-ħidma sfieqa tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Qal, “Il-Forzi Armati ta’ Malta mhux illum imma minn dejjem, u se jibqgħu, jagħmlu xogħlhom skont il-liġi. Filwaqt li meta tkun ix-xita u maltemp u aħna nkunu d-dar, dawn il-persuni jkunu f’nofs ta’ baħar isalvaw il-ħajjiet. Dawn qatt ma naqsu milli jagħmlu dak u qatt m’huma se jonqsu milli jagħmlu dak.”
Il-Ministru Camilleri nnota kif tul is-snin, il-Forzi Armati salvaw eluf ta’ nies anki jekk ta’ sikwit jispiċċaw fil-mira ta’ attakki inġusti minħabba li jkunu qed jagħmlu xogħolhom.
Qal, “Dawn huma nies professjonali ta’ xogħolhom, irġiel u nisa tal-familja li jagħmlu xogħolhom kuljum, matul is-snin salvaw eluf ta’ persuni u xi kultant il-grazzi li jgħidulhom ikun dak li jkomplu jattakkaw.”
Mistoqsi mill-ġurnalist dwar is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari, Byron Camilleri rrimarka kif dawk li m’għandhomx permess ikunu f’pajjiżna, qed jiġu deportati.
Qal, “Is-sena l-oħra kellek rekord ta’ persuni, kellek madwar 450 persuna li ġew ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom, deportati fi kliem sempliċi, għaliex jew ma jikkwalifikawx għall-ażil, għax it-talba tkun rifjutata, jew inkella għaliex kienu f’Malta rregolarment.”
Il-Ministru qal ukoll kif id-deċiżjonijiet tal-Gvern f’dan il-qasam qed iħallu l-frott.
Qal, “Anke traffikanti tal-bnedmin mil-Libja stess bdew jiddebjaw ir-rotot tagħhom sabiex jevitaw lil Malta, meta Malta għamlet efforts kbar sabiex dawk li jkunu qed jabbużaw mis-sistema, ikunu ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom.”
Dwar il-ħidma tal-Korp tal-Pulizija, il-Ministru semma kif ħidmet l-uffiċjali wkoll qed tħalli l-frott, hekk kif illum il-ġurnata dawn igawdu minn fiduċja b’saħħitha miċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Barraminnhekk, ir-rata ta’ kriminalità f’pajjiżna din is-sena naqset b’sebgħa fil-mija meta mqabbla mas-sena li għaddiet.