L-ADPD qal li dak li jrid jitkellem fuqu l-Partit Nazzjonalista ma’ nies differenti b’rabta mal-ambjent diġà qiegħed fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-ogħla liġi tal-pajjiż.
Fi stqarrija, l-ADPD sostna li l-Partit Nazzjonalista donnu stenbaħ.
Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li hu ma jneħħix artijiet mill-iskema tal-iżvilupp.
Il-partit ta’ Bernard Grech kien qed jirreferi għal dawk l-artijiet li kienu ddaħħlu fl-iskema tal-iżvilupp fl-2006 minn Gvern Nazzjonalista.
Dak iż-żmien, dak il-proċess kontroversjali, imsejjaħ “ta’ razzjonalizzazzjoni” kien ta d-dritt ta’ żvilupp lil għadd ta’ artijiet id-daqs tas-Siġġiewi kollu.
Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta KullĦadd irrappurtat kif, fl-aħħar xhur, kelliema tal-Partit Nazzjonalista ppruvaw jirkbu fuq is-sentiment ta’ residenti li joqogħdu viċin dawn l-artijiet li pprotestaw għall-fatt li fuqhom saru applikazzjonijiet ta’ ppjanar.
Iżda ċ-ċittadini li għandhom jew biegħu dawn l-artijiet jitkellmu dwar kif tali applikazzjonijiet huma dritt li l-Partit Nazzjonalista tahom bil-Pjan Lokali tal-2006.
Quddiem il-messaġġi tal-Oppożizzjoni, li qed tipprova tirkeb fuq dawn il-każijiet, ONE News għamel mistoqsija ċara u tonda lid-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Oppożizzjoni, Stanley Zammit.
Dan l-istazzjon staqsih jekk jemminx li, min għandu art f’żona ta’ żvilupp, għandhiex titneħħielu issa u jekk, fuq kollox, hix din il-politika tal-Partit Nazzjonalista.
Fi kliem sempliċi, il-kelliem tal-Oppożizzjoni kkonferma li dawk l-artijiet kollha li fl-2006 iddaħħlu fl-iskema ta’ żvilupp se jibqgħu proprju għal dak il-għan, jiġifieri li jiġu żviluppati.
Ironikament, fl-aħħar jiem, Stanley Zammit kien iż-Żurrieq biex jagħti l-appoġġ lil numru ta’ residenti li oġġezzjonaw li art tiġi żviluppata, anke jekk din iddaħħlet fiż-żona tal-iżvilupp f’dak il-proċess tal-gvern Nazzjonalista tal-2006.
Dwar li l-Partit Nazzjonalista m’għandux ħsieb li jirrevoka d-deċiżjoni li ttieħdet fl-2006, anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kien iddikjara pożizzjoni simili.
“Mhux se nidħol fuq id-drittijiet tan-nies li jiżviluppaw il-proprjetà tagħhom,” kien qal Grech. Dan anke jekk fl-istess ħin jitkellem dwar il-bilanċ ambjentali biex jipprova jintgħoġob ma’ kulħadd, kull darba li tfeġġ xi applikazzjoni fuq dawn l-artijiet.