L-Aid to the Church in Need, l-ACN, appoġġjat 67 proġett, inklużi 19-il proġett ta’ rikostruzzjoni, f’Bejrut wara l-isplużjoni tal-4 ta’ Awwissu.
L-ACN qalet dan fi stqarrija hekk kif spjegat li l-iktar xogħol urġenti sar biex ikun żgurati l-istrutturi tal-bini. Tenniet ukoll li dan il-bini għad irid ikun restawrat sew biex jerġa jsir abitabbli.
L-ACN ipprovdiet wkoll għajnuna ta’ emerġenza u sostenn, inklużi pakketti ta’ ikel għal 5,000 familja Libaniża u appoġġ għat-trasport għal voluntiera li, ta’ kuljum, iqassmu ikel lil aktar minn 560 persuna ta’ twemmin differenti. Assistenza medika għall-Covid-19 fil-forma ta’ magni tan-nifs kienet offruta wkoll lill-familji. Ċentru tal-ittestjar u respiraturi kienu ipprovduti wkoll mill-ACN fil-lokalità ta’ Zahle.
Barra minn hekk, permezz tal-ACN, is-St John the Merciful Table tipprovdi 1,500 ikla kuljum għal refuġjati u familji Libaniżi vulnerabbli. Madwar 100 familja fil-Wied ta’ Bekaa u 500 familja oħra fi Tripli ngħataw ikel u prodotti għall-kura personali.
Stephen Axisa, id-direttur nazzjonali tal-ACN (Malta) qal: “L-ACN irċeviet ittri ta’ apprezzament tal-għajnuna prattika li nagħtu lin-nies, mhux biss f’Bejrut, iżda wkoll f’reġjuni Libaniżi oħra li kienu affettwati wkoll mill-isplużjoni tal-4 ta’ Awwissu. Din seħħet meta l-pajjiż kien diġà għaddej mill-emerġenza tal-Covid-19, kif ukoll minn kriżi ekonomika u politika li qed ifarrak lill-poplu Libaniż.
Minkejja dan l-ACN spjegat li s-sitwazzjoni sejra għall-agħar. u għalhekk hemm bżonn ta’ aktar għajnuna hekk kif minħabba l-pandemija u l-kriżi ekonomika, in-numru ta’ familji fil-bżonn qiegħed jiżdied.
Is-sur Axisa qal: “Il-Libanu qed jesperjenza effett ‘domino’ negattiv. Dak li kien ilu għaddej minnu f’dawn l-aħħar snin, issa sar aktar ikkumplikat bl-isplużjoni u l-pandemija. Dawn il-kwistjonijiet negattivi kollha qed jirriżultaw f’familji tal-klassi tan-nofs li qegħdin jiżżerżqu fil-faqar, filwaqt li l-foqra qed isiru ifqar. L-ACN trid tgħin lil-Libaniżi b’mezzi prattiċi kemm jista’ jkun. F’dan ir-rigward, l-ACN diġà għamlet pjani biex tassisti aktar lil dawn in-nies għax temmen li aktar persuni ta’ qalb tajba se jersqu biex jagħtu ftit minn dak li għandhom ħalli b’hekk jixxuttaw id-dmugħ tal-Libaniżi u jnisslu fihom aktar tama għal futur aħjar.”