Iċ-ċaħda tal-petizzjoni kontra l-ħelsien ta’ Asia Bibi mill-Qorti Suprema tal-Pakistan hija trijonf kbir għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fuq l-intolleranza reliġjuża. Rebħa fuq il-mibegħda tal-fanatiċi u fuq kollox ferħ kbir għal Asia Bibi u l-familjari tagħha.
Din hija rebħa kbira għall-Aid to the Church in Need (Malta) peress li kienet minn ta’ quddiemnett, mhux biss fil-każ ta’ Asia Bibi, iżda wkoll li tipprovdi għajnuna lill-Kristjani li qed jistennew il-piena tal-mewt fil-Pakistan u oħrajn akkużati b’reati li ma wettqux.
Filwaqt li l-ACN (Malta) tirringrazzja lill-benefatturi u lil dawk kollha li segwew il-każ ta’ Asia Bibi b’interess, b’talb u b’appoġġ, l-ACN (Malta) qed tappella biex jiġu mgħejjuna 187 persuna Kristjana fil-Pakistan li huma wkoll akkużati inġustament bil-liġi tad-dagħa – bħalissa jinsabu l-ħabs jistennew l-eżekuzzjoni tagħhom.
Fid-dawl tal-estremiżmu li qed ikompli jikber, il-Kristjani fil-Pakistan huma ta’ spiss ivvittimizzati filwaqt li Musulmani radikali qegħdin jinqdew bil-liġi kontroversjali tad-dagħa biex jivvendikaw ruħhom minn Kristjani minħabba diżgwid personali.
L-ACN (Malta) tappoġġja lill-Catholic Commission for Justice and Peace (CCJP) fil-Pakistan li tgħin b’għajnuna legali lill-akkużati li qed jistennew il-piena tal-mewt.
Bl-għajnuna tal-ACN, is-CCJP bħalissa qed tippromwovi kampanja għal moratorju fuq il-piena tal-mewt filwaqt li tipprovdi għajnuna legali, tagħti mediċini u counselling lill-Kristjani fosthom 17-il persuna li ġew mitfuha l-ħabs wara rewwixta fl-2015 li bdiet minħabba attakk estremist fuq żewġ knejjes viċin ta’ Lahore, il-Pakistan.
Fr. Emmanuel Yousaf, id-Direttur Nazzjonali tas-CCJP, qal lill-ACN li “s’issa, is-CCJP – bl-appoġġ finanzjarju tal-ACN – akkwista pleġġijiet għal sitta (minn dawk miżmuma) iżda għad fadal ħafna xi jsir.”
L-ACN (Malta) qed tappella lin-nies ta’ rieda tajba biex jgħinu lil dawn ħutna li qed jistennew il-piena tal-mewt u qegħdin ibatu kull tip ta’ abbuż.
Dawk li jixtiequ jsostnu dan il-proġett tal-ACN fil-Pakistan u oħrajn, huma ġentilment mitluba jżuru www.acnmalta.org/donate , iċemplu 21487818 jew jibgħatu email lil info@acnmalta.org
Tagħlaqx għajnejk quddiem il-persekuzzjoni reliġjuża!