L-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering, l-ACE, faħħret il-konsultazzjoni tal-awtoritajiet b’rabta mal-implimentazzjoni tal-miżura tas-Skills’ Card, waqt li għamlet numru ta’ rakkomandazzjonijiet b’rabta ma’ din il-miżura.
F’sessjoni ta’ informazzjoni t-Tnejn filgħodu, l-ACE għaqqdet lill-imsieħba kollha fi ħdan is-settur tal-catering biex, filwaqt li toħloq aktar kuxjenza dwarha, twitti t-triq ’il quddiem b’rabta ma’ din ir-riforma.
Fil-fatt, ONE News tkellem mal-Viċi President, Matthew Pace, hekk kif tenna l-pożizzjoni tal-assoċjazzjoni favur l-implimentazzjoni tas-Skills Card.
“L-idea u l-aġenda warajha naqblu magħha mija fil-mija. L-akbar raġuni li jinġiebu ħafna impjegati lejn Malta bil-premessa tax-xogħol. Bażikament kull min hu jimxi u jiġi lejn Malta ġie mwiegħed xogħol, mentri s-sitwazzjoni mhijiex daqshekk straightforward, jiġifieri dak li jkun, naħsbu li filtration process għandu jsir u importanti ħafna.”
Matthew Pace – Viċi President tal-ACE
Pace sostna wkoll kif l-assoċjazzjoni kellha wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ġdid li se jtejjeb il-kwalità fis-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità.
Hawn tenna kif l-awtoritajiet ta’ pajjiżna kienu dejjem lesti biex jisimgħu u jaddattaw għal dak li jgħidu l-imsieħba b’esperjenza fl-industrija.
“Nagħti gratitudni lin-nies kollha konċernati li l-implimentazzjoni bdiet mal-istakeholders nominalment aħna.”
Matthew Pace – Viċi President tal-ACE
Pace filwaqt li elenka wkoll uħud mir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-ACE dwar din il-miżura, fosthom li ma tapplikax għal restoranti ta’ ħames stilel li jkunu huma li jsiefru barra biex isibu ħaddiema bil-ħiliet mistennija, tenna anke li din il-miżura għandha tkun estiża wkoll għal min għandu stabbilimenti tal-catering.
“Jiena nemmen li eventwalment anke meta jingħataw il-liċenzji, irridu noqogħdu attenti li meta nagħtu l-liċenzji lir-restaurant owner inkunu ċerti li dan hu kapaċi li jmexxi dan ir-restaurant. Jiġifieri nemmen li għandu jsir due diligence, hawn ’il fuq 3,000 restaurant madwar Malta u Għawdex.”
Matthew Pace – Viċi President tal-ACE
Bosta msieħba indirizzaw din is-sessjoni ta’ informazzjoni.
Fosthom kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità, Mark Mallia, li pprovda aktar dettalji dwar il-ħidma tal-aġenzija tal-Gvern u t-triq ’il quddiem b’rabta ma’ din ir-riforma l-ġdida bit-tibdiliet kollha li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, Pierre Fenech ukoll ta dettalji dwar il-proċess ta’ applikazzjoni għas-Skills Card u kif l-istitut qed iħejji biex ikun jista’ jevalwa l-abbiltajiet tal-applikanti li qed jaspiraw li jaħdmu f’dawn l-industriji.
Indirizzaw lil dawk kollha preżenti wkoll il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Il-Ministru Bartolo sostna kif din il-miżura se tara li tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizz offrut minn dawk kollha li jridu jaħdmu fis-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità f’pajjiżna.
Setturi li statistiċi awtorevoli jkomplu jikkonfermaw li dejjem qed jikbru u jikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ pajjiżna u b’hekk l-importanza li dan it-tkabbir jiġi ssalvagwardjat.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ellul, irrimarka kif din il-ħidma tikkumplimenta riformi oħrajn li diġà saru u oħrajn li qed isiru. Fil-fatt ġab eżempju bir-riforma li qed tiġi diskussa bħalissa fil-Parlament u li tolqot it-temping agencies u l-introduzzjoni tal-liġi li tirregola s-settur tal-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali.