L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt tal-Gvern li r-ristoranti se jkunu jistgħu jiftħu sa nofsillejl mill-24 ta’ Mejju li ġej.
Mit-Tnejn li ġej ir-ristoranti se jerġgħu jiftħu u huma mitluba jagħlqu fil-5:00 ta’ waranofsinhar.
L-ACE faħħret ukoll l-isforz li qed jagħmlu l-awtoritajiet tas-saħħa biex ilaqqmu lill-pubbliku kontra l-Covid-19.
Innutat ukoll li l-pubbliku qiegħed iwieġeb għal din is-sejħa.
Din l-Assoċjazzjoni appellat lill-pubbliku biex meta jerġgħu jiftħu r-ristoranti, iżommu mal-miżuri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Dan għaliex bħal setturi oħra, dan is-settur ma jistax jirriskja li jerġgħu jkollhom jagħlqu dawn in-negozji.
Hija qalet ukoll li l-vouchers se jgħinu lil dawn ir-ristoranti.
Din l-Assoċjazzjoni saħqet li matul il-pandemija, il-vouchers għenu lir-ristoranti u s-settur tal-ospitalità wara l-impatt tal-imxija.
Tenniet li n-nies jinsabu ħerqana biex dawn in-negozji jerġgħu jiftħu.
L-ACE rringrazzjat lill-Gvern għall-appoġġ u l-konsultazzjoni li għamel magħhom, matul dan iż-żmien diffiċli.