L-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol naqsu fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Hawnhekk ħareġ kif l-aċċidenti mhux fatali bejn Jannar u Ġunju tal-2023 involvew elf u tnejn u sittin persuna, jiġifieri tnaqqis ta’ tmienja punt tmienja fil-mija.
Erbatax fil-mija ta’ dawn l-aċċidenti kienu fis-settur tal-manifattura, segwiti bi tlettax punt ħamsa fil-mija fit-trasport u l-ħażna. Dan filwaqt li tnax punt tlieta fil-mija kienu f’attivitajiet marbutin mas-saħħa umana u l-ħidma soċjali.
Instab ukoll li tnejn u tletin punt tmienja fil-mija tal-persuni involuti f’aċċidenti kienu neqsin mix-xogħol għal tlett ijiem jew inqas, filwaqt li dawk li kienu neqsin mix-xogħol għal wieħed u għoxrin jum jew aktar ammontaw għal tmintax punt ħamsa fil-mija.
L-aċċidenti l-aktar komuni kienu dawk li jaffettwaw d-dahar, bi tletin fil-mija, filwaqt li ġrieħi superfiċjali u tfekkik kienu l-aktar komuni.
Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li kienu nvoluti f’aċċidenti mhux fatali kienu Maltin, bi tnejn u sebgħin punt tlieta fil-mija, filwaqt li sebgħa u għoxrin punt sebgħa fil-mija kienu barranin.
Iċ-ċifri tal-NSO juru kif ir-rata ta’ aċċidenti mhux fatali kienet ta’ tmien mija u ħamsa u erbgħin għal kull mitt elf persuna li taħdem.
L-istess statistika wriet tnaqqis sinifikanti fl-aċċidenti fatali hekk kif, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, irrapportat aċċident fatali wieħed biss.
Dan hekk kif, fl-istess perjodu tal-2022, kienu seħħew disat imwiet fuq il-post tax-xogħol.