L-istil ta’ ħajja mgħaġġla tal-lum qed iwassal biex ikollna ftit li xejn ċans għall-eżerċizzju fiżiku filwaqt li jkabbar it-tentazzjoni li nieklu ikel li ma fihx nutrijenti tajbin għas-saħħa.
Dawn huma wħud mill-fatturi li qed iwasslu għal piż żejjed f’pajjiżna.
ONE News tkellem ma’ Charlene Vassallo, Nutritionist fi ħdan id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa, li qalet kif fl-aħħar sentejn ġiet innotata xejra ġdida fil-konsum tal-ikel.
Vassallo qalet, “Fil-pandemija r-rata ta’ obeżità żdidet ukoll minħabba l-aċċess li ċċempel fuq in-numru jew tidħol Facebook u tkun tista’ tordna l-ikel frekwentement. Apparti li issa l-pandemija nieżla ftit, din l-attitudni għadha titkompla, jiġifieri qegħdin naraw ħafna nies li jixtru takeaway milli jsajru ikel id-dar.”
Vassallo qalet ukoll li ġieli n-nies b’piż żejjed kulma jkunu jridu huwa direzzjoni sabiex ibiddlu d-dieta tagħhom.
Tkellmet dwar każ ta’ persuna li kienet qed tikkonsma ammont eċċessiv ta’ zokkor kuljum u li, iżda, permezz tal-għajnuna li sabet mid-Direttorat, biddlet il-mod li bih tieħu t-te u li fi ftit ġimgħat rat bidla fil-piż tagħha.
Hija spjegat, “Il-konsum tat-te li kienet tixrob kien ta’ kważi ħamsa, sitta kuljum. Mela f’ġimgħa din kienet qed tieħu kważi kilo zokkor żejjed. Lil din il-klijenta għallimniha tnaqqas iz-zokkor gradwalment u, fi żmien tmien ġimgħat, billi naqqset iz-zokkor biss, hi wkoll tilfet il-piż. Hemmhekk naraw kemm iz-zokkor huwa ta’ ħsara għal saħħitna.”
In-nutrizzjoni fl-ikel hija importanti, u din tibda saħansitra minn mindu t-tarbija tkun fil-ġuf.
In-nutizzjonista spjegat kif l-ikel li jieklu l-ġenituri jaffettwa lit-tarbija, u għalhekk in-nutrizzjoni tajba trid tibda minn ġol-ġuf. Irrakkomandat ukoll li t-tarbija tiġi misqija l-ħalib tal-omm biex tkun tista’ tgħaddilha n-nutrizzjoni.
Vassallo saħqet li dieta tajba tnaqqas ukoll it-riskji tal-mard bħad-dijabete tat-tip tnejn, il-mard tal-qalb, u anke l-kanċer.