Aktar kmieni llum, is-Soċjalisti u Demokratiċi adottaw pożizzjoni uffiċjali li tiddefinixxi l-politika diġitali tal-grupp, dokument b’inventarju tas-suċċessi ta’ din il-leġiżlatura, kif ukoll prijoritajiet politiċi li jwasslu sal-elezzjonijiet li ġejjin.
Id-dokument intitolat “L-Ewropa Diġitali Inklussiva Tagħna” jenfasizza l-ħtieġa li l-aċċess għall-internet jitqies bħala dritt fundamentali, inizjattiva li l-MPE Josianne Cutajar ilha tmexxi ‘l quddiem għal diversi xhur.
Fl-2021, il-MPE Cutajar ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea tiddikjara liema inizjattivi huma ppjanati f’dan ir-rigward. Barra minnhekk, fl-2022, Josianne Cutajar, flimkien ma’ diversi Membri Parlamentari Ewropej oħra, iffirmaw ittra li tappella għal Karta Ewropea għad-Drittijiet Diġitali. Din l-ittra semmiet ukoll l-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali, fuq talba ta’ Cutajar.
F’kumment dwar ir-riferenza għall-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali fid-dokument ta’ politika diġitali tas-Soċjalisti, il-MPE Cutajar qalet li “filwaqt li fil-passat l-internet kien meqjus bħala lussu, illum huwa neċessità”.
Dan jirrappreżenta pass importanti ‘l quddiem għall-ħidma ta’ Dr Josianne Cutajar fil-Parlament Ewropew, inkluż fil-Kumitat Speċjali dwar l-Istrateġija wara l-COVID-19, fejn qed issostni wkoll b’mod kostanti l-importanza tal-aċċess ugwali u garantit għall-internet. “L-internet kien t’għajnuna, speċjalment għal dawk l-aktar vulnerabbli, l-anzjani u t-tfal tagħna, sabiex dawn baqgħu konnessi u f’kuntatt ma’ xulxin matul iż-żminijiet ta’ kriżi, anke fejn jidħlu lezzjonijiet onlajn”, enfasizzat il-MPE Cutajar.
“Għaldaqstant, huwa ta’ importanza kbira li nkomplu nistinkaw għal drittijiet diġitali aktar b’saħħithom, inkluż li nelevaw l-aċċess għall-internet għal dritt fundamentali, flimkien ma’ investimenti fil-qasam diġitali u fil-ħiliet diġitali”, il-MPE osservat. “Wasal iż-żmien li nieħdu passi konkreti lejn triq diġitali inklussiva għal kulħadd” ikkonkludiet Dr Josianne Cutajar.