F’Ġinevra, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul indirizza l-111-il edizzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Dinja tax-Xogħol, imtella’ mill-International Labour Organisation (ILO), fejn għamel enfasi fuq ir-rwol tal-ġustizzja soċjali għal futur sostenibbli.
Din il-konferenza toffri pjattaforma lill-parteċipanti madwar id-dinja kollha biex jiddiskutu sfidi relatati mad-dinja tax-xogħol. Din is-sena, it-tema ewlenija hija fuq l-avvanz fil-qasam tal-ġustizzja soċjali.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega l-impenn ta’ Malta biex tassigura impjiegi diċenti u ġustizzja soċjali bħala pilastri fundamentali għal soċjetà ġusta. Huwa tenna li d-disponibbiltà ta’ xogħol diċenti u l-aċċess għalih għandhom rwol ċentrali fl-avvanz tal-ġustizzja soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari ppreżenta wkoll il-pożizzjoni ta’ Malta dwar ħaddiema tal-pjattaforma diġitali, realtà li numru ta’ ħaddiema qed jaffaċċjaw f’diversi pajjiżi oħra. “B’referenza għall-ħaddiema tal-pjattaformi, wara ħafna konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, il-Gvern Malti implimenta riforma li tat drittijiet legali u benefiċċji lil dawn il-ħaddiema”, qal Ellul.
Huwa spjega wkoll il-miżuri konkreti li ħa l-Gvern Malti sabiex jiġġieled l-isfidi globali kurrenti relatati mad-dinja tax-xogħol, u aċċenna l-ħidma kontinwa tal-Gvern sabiex ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż ir-riforma fit-temping agencies.
Dwar il-kwistjoni tal-produttività, it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, pagi ogħla u ż-żieda fil-livell tal-għajxien, Ellul saħaq kif matul l-aħħar xhur li għaddew, il-Gvern Malti waqqaf ukoll Low Wage Commission, komposta mill-imsieħba soċjali kollha biex tressaq rakkomandazzjonijiet immirati fit-titjib tal-paga minima.
“Din il-Low Wage Commission għandha tqis ix-xejra fil-livelli tal-prezzijiet u żidiet f’diversi ftehimiet kollettivi magħżula – u dan biex taċċerta li kwalunkwe żieda proposta fil-paga minima tirrifletti ‘vulnerabbiltajiet fis-settur’ u ‘gwadann fil-produttività”, qal is-Segretarju Parlamentari Ellul.
Waqt li kien qed jattendi għal din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari kellhu laqgħa mad-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-ILO, Gilbert F. Houngbo.