“Irridu nsaħħu d-drittijiet tagħna fuq kwistjonijiet ambjentali biex nipproteġu saħħitna. Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-ġustizzja ambjentali”, qal dan l-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer f’diskors b’saħħtu fil-Plenarja tal-Parlsment Ewropew.
Spjega kif dan għandu jkun il-legat tagħna waqt l-emerġenza tal-klima u ekoloġika li qed nesperjenzaw.
Engerer tkellem fuq l-importanza li nissalvagwardjaw id-dritt ta’ kull ċittadin Ewropew, kemm minn ġenerazzjonijiet preżenti u anke dawk futuri, li jgawdu minn ambjent li hu tajjeb għal saħħithom u għall-benessere tagħhom.
Huwa fakkar li dan iġib miegħu responsabbiltà fuq kull persuna biex tgħolli l-karta l-ħamra meta dak id-dritt jiġi perikolat u meta riskji ambjentali jitpoġġew fil-qiegħ tal-lista tal-prijoritajiet u l-interessi fir-rigward ta’ attivitajiet li qed jiġu żviluppati fil-komunitajiet tagħna.
Huwa rabat dan mal-bżonn li nsaħħu l-aċċess għall-ġustizzja li għandu jkollu kull persuna fejn jidħlu kwistjonijiet ambjentali u proġetti u attivitajiet li jistgħu jwasslu għad-degradazzjoni tal-ambjent komuni. F’dan ir-rigward huwa tenna li l-Unjoni Ewropea għandha obbligu morali li tkun pijuniera globali u li għalhekk mhuwiex aċċettabbli li jkun hemm xi nuqqasijiet fil-konformita’ tagħha ma’ obbligi internazzjonali f’dan il-qasam.
Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tifhem aħjar l-importanza tal-irwol tagħha fuq kwistjonijiet ambjentali u tassumi r-responsabbiltajiet li jiġu ma’ dan r-rwol.