L-MPE Alex Agius Saliba qed jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida sabiex tgħin persuni b’diżabilità u tipproteġi d-drittijiet fundamentali tagħhom tal-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni.
Il-MPE Laburista talab lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri progressivi u sostenibbli sabiex fl-Ewropa jiddaħlu programmi awdjoviżivi aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, b’mod partikolari permezz ta’ sottotitoli għal persuni neqsin mis-smigħ.
“It-telf tas-smigħ parzjali jew komplet hija kundizzjoni li taffettwa aktar minn 83 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea. Billi nagħmlu t-televiżjoni aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, se ngħinu biex noħolqu soċjetajiet inklużivi, intejbu l-identità nazzjonali tan-nies, u nipprovdu aċċess għall-aħbarijiet u l-informazzjoni,” qal il-MPE Agius Saliba.
“F’dinja diġitali moderna, l-aċċess għall-informazzjoni u programmi tat-televiżjoni se jkollu rwol kruċjali biex jippermetti l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà. Sfortunatament, il-persuni b’diżabilità għadhom ristretti ħafna u għandhom aċċess minimu għal servizzi bħal dawn,” qal il-MPE Laburista.
Barra minn hekk, il-MPE Agius Saliba kompla billi qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi sett konkret ta’ miżuri li jrawmu l-integrazzjoni attiva u l-parteċipazzjoni mingħajr restrizzjonijiet tal-persuni b’diżabilità fil-ħajja soċjali, u waħda minn dawk il-miżuri hija li tipprovdi servizzi televiżivi aċċessibbli għal kulħadd. In-nies li jgħixu b’xi forma ta’ diżabilità ma jistgħux igawdu mill-kontenut awdjoviżiv li jasal fi djarhom. Illum għandna s-soluzzjonijiet li jistgħu jneħħu l-ostakli eżistenti u jagħmluha possibbli għall-persuni b’diżabilità li jgawdu minn kontenut televiżiv u awdjoviżiv kompletament. Madankollu, dawn is-soluzzjonijiet għadhom ma humiex prattiċi.
“Persuni b’diżabilità għandhom jiġu protetti mid-diskriminazzjoni u għandhom igawdu d-dritt tagħhom għall-informazzjoni u l-edukazzjoni, inkluż billi jiggarantixxu aċċess ugwali għax-xandir, l-aħbarijiet, il-programmi tat-televiżjoni, il-films, produzzjonijiet teatrali u attivitajiet oħra relatati. Bħala membru tan-Netwerk għad-Diżabilità tal-Parlament Ewropew, se nkompli nqajjem l-għarfien u nippromwovi drittijiet u opportunitajiet indaqs għal persuni b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri,” qal l-MPE Alex Agius Saliba.