Kull min jgħix f’pajjiżna jrid josserva l-liġijiet ta’ pajjiżna u sostna li f’każi ta’ nies barranin li jiksru l-liġijiet ikun hemm anke d-deportazzjoni mill-pajjiż.
Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio mill-ġurnalista ta’ ONE News, Shanaya Farrugia.
“Il-liġijiet ta’ dan il-pajjiż huma ugwali għal kulħadd u jridu jiġu osservati minn kulħadd u min ma josservahomx, u hawnhekk qed nitkellem ukoll fuq kwistjoni ta’ ħaddiema barranin, persuni li qegħdin jgħixu f’pajjiżna. Min ma josservax il-liġijiet tal-pajjiż u jinstab partikolarment mill-qrati tagħna li mhux josserva l-liġijiet ta’ dan il-pajjiż, hemmhekk il-konsegwenzi huma ċari – sentenza tal-Qorti tagħna u jkun hemm id-deportazzjoni.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna dwar kif bħalissa qed isiru bosta spezzjonijiet mill-forzi tal-ordni madwar il-pajjiż.
Dwar il-vetturi Y-plates, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern qed jaġixxi dwar iż-żieda li kien hemm u għamel il-bidliet meħtieġa. Dan favur is-sigurtà taċ-ċittadini, bil-kontroll se jkun f’idejn l-awtoritajiet u d-direzzjoni li ngħataw hi favur il-komunitajiet u mhux tal-ftit.
“Għamilna l-pożizzjoni ċara li l-messaġġ kien se jibqa’ wieħed favur is-sigurtà tal-Għawdxin u l-Maltin kollha u ta’ dawk li qed jgħixu b’mod legali f’dawn il-gżejjer. Bl-ewwel waħda tkun il-kwistjoni tas-sigurtà. It-tieni waħda hi li l-kontroll se jkun f’idejn l-awtoritajiet u dawn ingħataw direzzjoni waħda politika, li jaġixxu favur l-interess tal-komunità u mhux l-interess tal-ftit.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-intervista, il-Prim Ministru wkoll sostna li mhux aċċettabbli li numru kbir ta’ persuni jgħixu fl-istess appartament u kellu messaġġ ċar għal dawk li jikru.
“U fejn wieħed jabbuża mis-suq, hemmhekk se jibqgħu jidħlu l-awtoritajiet. L-awtoritajiet tagħna diġà daħlu, jekk hemm bżonn li nżidu s-sanzjonijiet għal min jabbuża mis-sitwazzjoni, se nkunu qed nagħmlu hekk ukoll. Se jibqgħu jsiru l-ispezzjonijiet. Mhux aċċetabbli għalina, l-ewwel nett, għal min qed jgħix f’dawk ir-residenzi li jkollhom sitwazzjoni ta’ 20 ruħ qed jgħixu f’appartament ta’ sitta. Mhux aċċettabbli għal min qed jgħix fl-istess blokka li għandu r-residenza hemmhekk, li jkollu jgħix f’komun bin-nies deħlin u ħerġin il-ħin kollu, bil-pressjonijiet li jġibu magħhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk Dr Abela semma wkoll l-ispezzjonijiet li qed isiru fit-toroq mill-forzi tal-ordni, fejn sostna li fit-toroq irid ikun hemm ir-responsabilità.
“Hemmhekk ukoll il-messaġġ hu wieħed ta’ dixxiplina, ta’ serjetà u li mhux aċċettabbli li jkollok sitwazzjoni fejn xi ħadd jaħseb li jista’ jagħmel li jrid, li jikser ir-regolamenti tal-pajjiż bi preġudizzju għal min joserva r-regolamenti u l-liġijiet ta’ dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li f’pajjiżna għandna qafas ta’ liġijiet li kulħadd irid isegwi, waqt li rringrazzja lill-forzi tal-ordni tal-ħidma tagħhom.