L-abbozz tal-lirika ta’ Bob Dylan tad-diska tiegħu tal-1965 Mr Tambourine Man kienet mibjugħa għas-somma ta’ $508,000 waqt irkant fl-Istati Uniti.
Il-lirika fuq żewġ paġni sofor hija tliet verżjonijiet ittajpjati tad-diska iżda mhux il-verżjoni finali. Dan ix-xogħol fih ukoll noti fil-ġnub miktuba bl-idejn mill-leġġenda tar-rock innifsu.
Id-diska hija waħda mill-aktar suċċessi famużi u dan l-abbozz kien fost 60 oġġett propjetà tal-kantant li kienu irkantati fil-belt ta’ Nashville.
Pittura biż-żejt tal-1968 xogħol ta’ Dylan u anke ffirmata minnu kif ukoll kitarra tal-elettriku tal-1983 Fender Telecaster li kienet tindaqq minnu kienu wkoll fl-irkant.
Diversi sketches ta’ Dylan inbiegħu għall-ħafna aktar minn dak previst fejn waħda li kienet mistennija ġġib bejn $1,500 u $2,500 dollaru marret għas-somma ta’ $88,900.
Ġakketta tad-denim Levi’s li ntlibset minnu fil-film mużikali tal-1987 Hearts of Fire ġabet is-somma ta’ $25,400.
Id-dar tal-irkant qalet li l-kollezzjoni ta’ Bob Dylan ġabret madwar miljun u nofs dollaru.