L-abbozz ta’ liġi propost mill-Oppożizzjoni fl-Italja, biex tiġi introdotta l-paga minima fil-pajjiż, ġiet imwaqqfa mill-koalizzjoni governattiva mmexxija mill-gvern tal-lemin tal-Prim Ministru Giorgia Meloni.
Fl-Italja, flimkien mal-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, u l-Isvezja, il-pagi huma ddeterminati min-negozjar kollettiv bejn min iħaddem u t-tradeunions.
L-oppożizzjoni, ippreżentat il-proposta f’Lulju biex tiġi mnedija l-paga minima ta’ disa’ ewro fis-siegħa, iżda l-koalizzjoni ta’ Meloni qalet li dan jista’ jkollu effetti ħżiena fuq ċerti ħaddiema.
Il-Prim Ministru Meloni wissiet li b’dan ill-mod, ħafna mill-pagi eżistenti se jkunu mnaqqsa għall-maġġoranza tal-ħaddiema.
L-eks Prim Ministru Giuseppe Conte, li jirrappreżenta l-Moviment tal-Ħames Stilel, oppona dak li qalet Meloni u kkundanna lil dawk li huma kontra l-paga minima għax injoraw l-interessi ta’ miljuni ta’ ħaddiema.
Meloni żammet mad-deċiżjoni tagħha li ma taċċettax din il-proposta avolja stħarriġ tal-opinjoni pubblika juri appoġġ sinifikanti, ta 70% tat-Taljani, inklużi l-votanti tal-koalizzjoni tal-gvern, huma favur il-paga minima.
Dan huwa l-oppost ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna hekk kif ftit ġimgħat ilu bi ftehim storiku bejn l-Gvern u l-imsieħba soċjali, għat-tieni darba taħt Gvern Laburista, se tiżdied il-Paga Minima Nazzjonali.
Fil-fatt minn Jannar li ġej, il-Paga Minima Nazzjonali se tkun qed titla’ għal €213.54 fil-ġimgħa minn €192.73.
Dawn iż-żidiet se jkunu minbarra l-integrazzjoni taż-żidiet li kienu daħlu fl-2017, biex din tibqa’ tiżdied sal-2027 bi €18 fil-ġimgħa.