Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici lbieraħ fil-Parlament qal li l-Gvern huwa aġent għall-bidla u huwa determinat aktar minn qatt qabel li jkompli jmexxi l-pajjiż ’il quddiem.
Waqt li kien qed jagħlaq id-dibattitu fit-tieni qari tal-abbozz ta’ Liġi dwar il-midja u l-malafama, il-Ministru Bonnici qal li din hija liġi maġġura li għaliha din il-leġislatura se tibqa’ tissemma. Il-Gvern fetaħ il-bibien beraħ. Bla preċedent, għall-ħelsien tal-espressjoni wara dik tal-ħelsien tal-espressjoni artistika.
L-abbozz ineħħi l-libell kriminali u ma jistgħux jinħarġu mandati kawtelatorji ta’ qbid, ta’ qbid fuq azjenda kummerċjali jew mandati ta’ sekwestru biex jitqiegħdu fiż-żgur jeddijiet jew pretensjonijiet kontra xi persuna għal danni, għal libell jew malafama oħra taħt xi liġi.
Madankollu, qal il-Ministru, l-abbozz jipproteġi lil min hu vulnerabbli u li r-reputazzjoni tiegħu qed tiġi kalpestata kontinwament. Għalhekk, il-Qorti issa tista’ tagħti danni ta’ €20,000 minflok €11,000.
Il-Ministru qal li l-OSCE faħħret lil Malta għal dan l-abbozz u qalet li huwa mudell għal pajjiżi oħra.
Bonnici kkritika lil dawk li ħolqu allarm u storbju għalxejn u talab lill-forzi negattivi biex ibiddlu r-rotta.
Huwa ta kelmtu li se jippreżenta l-emendi miftehma mal-Oppożizzjoni u faħħar lill-kelliem Clyde Puli għal mod kif ġab ruħu fil-Parlament biex jara li jkollna l-aħjar liġi. Huwa wiegħed li waqt il-vaganzi tal-Għid kien se jippreżenta dawn l-emendi kif ukoll il-kummenti tal-OSCE dwarhom.
Dr Bonnici qal li l-Gvern irċieva kummenti favorevoli mill-GRECO, grupp ta’ stati kontra l-korruzzjoni dwar ir-riformi fil-ġustizzja u l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti li sejħitilha “an important milestone in an area previously unregulated”.
L-abbozz kien approva unanimament.