Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jiddiskutu l-abbozz ta’ liġi dwar il-media u l-malafama li kien ippreżentat il-ġimgħa li għaddiet.
Waqt il-laqgħa l-Ministru Bartolo qal li dan l-abbozz ta’ liġi hu bbażat fuq tliet pilastri: li tkompli tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni; li fl-istess waqt il-media tkun aktar responsabbli; u li tibda diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta’ self–regulation permezz ta’ press ombudsman jew ta’ uffiċċju indipendenti mill-Gvern. Dan kollu jservi biex tonqos il-konfrontazzjoni fil-Qrati.
Il-Ministru Bonnici żied li dan l-abbozz mhux biss qed joffri emendi legali iżda joffri opportunità li l-professjoni ta’ ġurnalist timxi ‘l quddiem fil-kwalità. Hu qal ukoll li l-emendi li se jsaħħu l-libertà tal-espressjoni fosthom it-tneħħija tal-libell kriminali, aktar difiżi għall-ġurnalisti permezz tal-introduzzjoni tal-kunċett tal-opinjoni onesta, u drittijiet fejn jidħlu kitbiet xjentifiċi li qabel ma kinux regolati.
Il-Ministru Bonnici u l-Ministru Bartolo stiednu lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom dwar dan l-abbozz ta’ liġi sabiex din ir-riforma tkun waħda ħolistika.
Min-naħa tiegħu l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin immexxi mill-President Karl Wright, esprima s-sodisfazzjon tiegħu lejn dan l-abbozz ta’ liġi li fih emendi li kien ippropona l-Istitut stess, fosthom l-introduzzjoni tal-medjazzjoni u t-tneħħija tal-libell kriminali.
Il-President Wright qal ukoll li l-proposta tar-reġistrazzjoni tal-websites tal-aħbarijiet qajmet ħafna diskussjoni. Il-Ministru Bonnici spjega li bħalissa l-liġi tal-istampa titlob li l-edituri tal-media stampata jirreġistraw, filwaqt li l-għan tal-emenda hu li tkopri wkoll lill-edituri tan-news portals. Il-Ministru Bonnici spjega li l-Gvern hu miftuħ biex jisma’ suġġerimenti dwar dan.
L-abbozz ta’ liġi dwar il-media u l-malafama li ġie ppreżentat huwa frott ta’ ħidma twila li inkludiet ukoll konsultazzjoni anke ma’ professjonisti mill-qasam ġurnalistiku u mill-qasam legali.