Dalgħodu madwar 25 abbati mill-paroċċi Maltin se jkunu preżenti għall-kanonizazzjoni ta’ Madre Tereża.
Il-grupp t’abbatini li qed jitmexxew minn Dun Frans Camilleri u Dun Robert Grech kienu fortunati biżżejjed li qed jaqdu s-servizz tagħhom fil-Vatikan propju fl-istess perjodu meta l-Papa Franġisku se jipproklama lil Madre Tereża bħala qaddisa.
Dawn l-abbatini wettqu s-solitu żewġ eżamijiet reliġjużi sabiex ikunu eliġibbli li jmorru l-Vatikan u jaqdu s-servizz bħala abbatini f’Ruma.
Intant dalgħodu se jkunu numru ta’ seminaristi li se jgħinu l-Papa fil-quddiesa tal-kanonizazzjoni. Filfatt fost dawn se jkun hemm wieħed Malti li se jassisti f’din iċ-ċerimonja importanti u li mistennija li tkun segwita minn folla mdaqqsa fi pjazza San Pietru.
Il-kanonizazzjoni ta’ Madre Tereża ta’ Kolkata qed tiġi meqjusa bħala waħda storika għaliex din se sservi ta’ ispirazzjoni għall-Kattoliċi li jistgħu jsibu relevanza għal ħajja qaddisa f’soċjeta’ moderna.