L-450 immigrant li bħalissa hemm abbord żewġ dgħajjes mistennija jinżlu fil-portijiet Taljani. Dan ħabbru l-Prim Ministru Joseph Muscat is-Sibt filgħaxija permezz ta’ Tweet fejn stqarr li huwa tkellem mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte u wiegħed li bħal ma sar fil-każ tal-MV Lifeline, Malta se tkun qed tgħin fid-distribuzzjoni tal-immigranti fost numru ta’ pajjiżi Ewropej.
Dawn l-450 immigrant ġew salvati ilbieraħ minn fuq lanċa tas-sajd li telqet mill-Libja. Huma ġew interċettati fil-baħar waqt li kienu 53 mil nawtiku ‘l bogħod minn Lampedusa u 110 mili nawtiċi ‘l bogħod minn Malta. Huma ġew salvati mill-ibħra Taljani u ttieħdu fuq żewġ vapuri tas-salvataġġ, filwaqt li tmien nisa u tfal ittieħdu mill-Gwardja tal-Kosta Taljana lejn Lampedusa minħabba li kellhom bżonn il-kura medika.
Il-medja Taljana rrapurtat li l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li l-immigranti għandhom jitqassmu bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, inkella mhux se jitħallew jinżlu l-Italja madankollu l-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini qal li l-immigranti għandhom jiddaħħlu jew Malta jew aħjar il-Libja.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Malti lbieraħ stqarr li Malta wettqet l-obbligi kollha tagħha skont il-konvenzjonijiet internazzjonali.