Is-sit Repubblica.it, irraportat li l-erba mija u ħamsin immigranti li ilbieraħ ġew salvati minn bastiment tas-sajd fl-ibħra territorjali taljani, ittieħdu fuq żewġ vapuri tas-salvataġġ, filwaqt li tmien nisa u tfal ittieħdu mill-Guardia Costiera lejn Lampedusa minħabba li kellhom bżonn il-kura. 176 immigrant ittellgħu fuq il-bastiment Protector li qed jiġi operat taħt il-missjoni tal-Frontex, u 266 fuq il-bastiment Monte Sperone tal-Guardia di Finanza.
La Repubblika rraportat ukoll li Salvini qal li l-immigranti għandhom jidaħħlu Malta jew il-Libja u mhux l-Italja.
Il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini qal li kellha tkun Malta li tiġbor lil dawn l-immigranti u ddaħħalhom fil-portijiet tagħha. Izda in-nies abbord il-bastiment għarrfu liċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni u Salvataġġ Malti li l-intenzjoni tagħhom kienet li jibqgħu sejrin lejn il-gżira ta’ Lampedusa. Fi stqarrija tard il-Ġimgħa filgħaxija l-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali spjega li ċ-ċentru ta’ kordinazzjoni u salvataġġ Malti ġie infurmat miċ-ċentru ta’ Ruma bil-preżenza ta’ bastiment tas-sajd li fuqha kien hemm madwar 450 immigrant hekk kif ħarġet miż-żona Libjana ta’ salvataġġ u daħlet f’dik Maltija.
Il-Ministeru qal li l-informazzjoni ngħatat meta l-lanċa kienet tinsab tlieta u ħamsin mil nawtiku ‘l bogħod minn Lampedusa u mija u għaxar mili nawtiċi ‘l bogħod minn Malta. Qal li meta ċ-ċentru ta’ salvataġġ Malti għamel kuntatt mal-lanċa, dawk abbord stqarru li riedu jkomplu fi triqithom lejn il-port ta’ Lampedusa. Il-Ministeru saħaq la ladarba l-vapur kien qed ibaħħar, iċ-ċentru Malti ta’ salvataġġ ma kellu l-ebda awtorità li jagħti struzzjonjiet oħra lid-dgħajsa. Madankollu qal li xorta sar monitoraġġ tal-lanċa sabiex jiġi assigurat li tingħata l-assistenza kollha meħtieġa f’każ ta’ bżonn. Qal li bħalissa l-lanċa tinsab fl-ibħra territorajli Taljani kif tixhed mappa li ġiet ippubblikata mal-istess stqarrija. Il-Gvern sostna li Malta ssodisfat l-obbligazzjonijiet kollha applikabbli konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-tiftix u s-salvataġġ fuq il-baħar.