Fil-Ġermanja eluf ta’ rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus jinsabu fuq l-ixkaffa.
Żewġ ismijiet ta’ Membri Parlamentari Ewropej li saru familjari f’pajjiżna minħabba fi sħabhom l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, huma Sven Giegold u Manfred Weber.
Żewġ Membri Parlamentari Ewropej li rikbu fuq il-karru politiku partiġjan orkestrat mill-Partit Nazzjonalista, karru li l-uniku għan tiegħu huwa li ssir ħsara lil pajjiżna sempliċement għax imexxi lil pajjiżna hemm il-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat.
Iżda dawn iż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej Ġermaniżi li donnhom “ħadu grazzja” ma’ Malta, mhux qed jaraw it-travu li għandhom f’għajnejhom stess waqt li jinsabu medhija jdoqqu d-diska ta’ David Casa u sħabu.
Dawn iż-żewġ min-nies li qed jitkellmu kif f’pajjiżna m’hawnx is-saltna tad-dritt, li m’hawnx il-libertà tal-espressjoni, li m’hawnx libertà tal-kelma, li m’hawnx trasparenza u kontabilità, l-istess diska mkissra li Manfred Weber tkellem fuqha fl-aħħar kampanja elettorali meta ġie biex jagħti daqqa t’id lil Simon Busuttil jipprova jsir Prim Ministru, ma rawx dak li qed jiġri f’pajjiżhom stess.
Il-Ġermanja kien irrappurtat li hemm mal-40,000 rapport dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus li jinsabu fuq l-ixkaffa għax m’hemmx biżżejjed persuni sabiex jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji biex jistħarrġu dawn l-allegazzjonijiet.
Dan kollu jistona ħafna mal-mod kif dawn il-Membri Parlamentari Ewropej u oħrajn jitkellmu għax ħafna drabi tingħata l-impressjoni li hawn Malta għandna kollox ħażin iżda fil-kumplament tal-Ewropa kollox sejjer tajjeb.
Din l-informazzjoni ħarġet minn rappreżentant tal-FIU Ġermaniża stess, l-Aġenzija Ġermaniża li twettaq investigazzjonijiet marbuta mal-finanzi, waqt il-11-il Forum Parlamentari għas-Sigurtà u l-Informazzjoni Sigrieta (Intelligence) f’Berlin, il-Ġermanja.
Fl-istess laqgħa li għaliha attenda l-Ispeaker tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, kien hemm anke l-ardir li jkun hemm Andreas Frank, konsulent tal-Kunsill tal-Ewropa li tkellem fuq il-qasam tal-gaming f’pajjiżna fl-istess ħin waqt li ngħatat l-informazzjoni tar-rapporti mill-uffiċjal tal-FIU Ġermaniża.