Din is-sena se tkun waħda rekord fil-ftuħ ta’ appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dan ġie kkonfermat mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, f’kumment lil ONE News.
Il-Ministru Galdes tenna li din is-sena se jkunu inawgurati, fost oħrajn, appartamenti fl-Imsida li se jakkomodaw lil aktar minn mitt familja u ieħor fis-Siġġiewi għal erbgħa u tmenin familja oħra.
“Issa qegħdin jiġu fi tmiemhom dawk il-proġetti li bnejna ftit tas-snin ilu biex inkun jista’ jkollna proġetti kbar, massivi ta’ akkomodazzjoni soċjali. Qegħdin fil-fażijiet finali. Din is-sena ħa tkun rekord, għax ħafna mill-proġetti se jkunu qegħdin jiġu inawgurati din is-sena. Però għad fadlilna wkoll numru ta’ snin oħrajn biex aktar proġetti jiġu inawgurati ’l quddiem meta l-bini jkun mexa fuq diversi proġetti oħrajn.”
Roderick Galdes – Ministru
Il-Ministru tkellem magħna dwar aktar proġetti li għaddejjin fil-qasam tal-housing.
“Imbagħad għandek diversi proġetti oħrajn, li qed jersqu aktar fi tmiemhom, finishing addattat, anke permezz ta’ landscaping li qed isir apposta, bil-għan li mhux biss nibnu l-appartamenti, l-ambjent u l-kwalità, li tkun kwalità li suppost għandu jkun hemm f’housing soċjali.”
Roderick Galdes – Ministru
Ma’ ONE News, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali tenna d-differenza bejn il-Gvern Laburista u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, meta kien fil-Gvern, dwar dan il-qasam.
“M’għandniex dubju li jekk tara l-investiment li kien isir taħt Gvern Nazzjonalista fil-housing ta’ €2 miljun fis-sena, illum għandek spiża ta’ €50 miljun fis-sena. Qabża totali. Imma ma’ dan ukoll investejna €150 miljun biex nibnu investiment kapitali bħal dawn tal-akkomodazzjoni soċjali. Li kieku ma kienx għall-Gvern Laburista, li kellu l-ekonomija b’saħħitha, kieku ma ġibniex finanzjament minn barra, kieku wkoll ma użajniex il-finanzjament ta’ dawk il-flus ta’ dawk li kienu jissejħu tal-passaporti, kieku dan ma setax isir u allura llum qed naraw dan il-frott, għax il-Gvern Laburista kien bil-għaqal li ħaseb ukoll għall-bżonnijiet soċjali ta’ pajjiżna.”
Roderick Galdes – Ministru