Fl-2023 il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, li jiġbor fi ħdanu awtoritajiet importanti bħal dik tal-ippjanar, tal-bini u l-kostruzzjoni, u tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, introduċa diversi riformi u inizjattivi relatati partikolarment mat-tisħiħ ta’ regolamentazzjoni għas-sigurtà u l-kwalità fl-industrija tal-bini.
L-Erbgħa filgħodu, waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi indika li tali tijtib se jkompli matul is-sena li ġejja.
Hu qal li, fost oħrajn, se jsir investiment ta’ €2.1 miljun fl-infrastruttura diġitali tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, waqt li se jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda dwar ir-rwol tal-Project Supervisors fuq lantijiet ta’ kostruzzjoni.
Ġiet imħabbra wkoll żieda ta’ €580,000 fl-allokazzjoni għall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA. Se jitressaq fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi ġdida dwar l-operat tal-OHSA b’riżultat tat-tibdil u miżuri li jsaħħu r-riżors uman tal-istess awtorità.
Il-Ministru kompla jgħid li l-inforzar fil-qasam tal-kostruzzjoni se jkompli jissaħħaħ, inkluż bix-xogħol fuq il-liġi dwar il-Liċenzja tal-Bennejja, dik tal-assigurazzjoni għall-qasam tal-kostruzzjoni u dwar is-skill cards għal ħaddiema fil-kostruzzjoni.
Fl-istess ħin se tkompli l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet kollha li daħlu għal Liċenzjar tal-Kuntratturi fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini.
Sadanittant l-Awtorità tal-Ippjanar se tiffinalizza r-rapporti preliminari li fuqhom irid jitħejja r-Rapport Strateġiku dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp (SPED) u se tintemm ir-Reviżjoni Parzjali tal-Pjan Lokali ta’ Għawdex biex Ħondoq ir-Rummien jibqa’ fl-istat naturali tiegħu. Se jkunu ffinalizzati wkoll l-emendi legali biex jieqaf ix-xogħol waqt li jkun għaddej smigħ ta’ appell dwar permess tal-bini.
Waqt li tkellem dwar il-miżuri tal-Baġit għall-2024, il-Ministru ħabbar ukoll li se jkunu qed jittieħdu diversi inizjattivi ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini.
Fost dawn, l-Awtorità tal-Ippjanar niediet l-iskema ‘Irrestawra Darek’ b’allokazzjoni ta’ €1 miljun li, permezz tagħha, sidien ta’ binjiet residenzjali skedati fi Grad 1 jew 2 ikunu jistgħu jirrestawraw il-faċċati tagħhom u jirċievu rifużjoni ta’ 100% għax-xogħlijiet.
L-applikazzjonijiet jagħlqu l-Erbgħa, 6 ta’ Diċembru, f’nofsinhar. It-Tnejn ta’ wara, 11 ta’ Diċembru, fid-9:00 ta’ filgħodu se tittella’ polza pubblika biex jintagħżlu dawk li se jkunu eliġibbli.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li s-sena d-dieħla wkoll se jkunu qed jittieħdu miżuri mill-aktar importanti għal-lokalitajiet kollha f’pajjiżna, permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
“Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi llum għandu rwol, fil-fehma tiegħi, importanti li jservi biex inwettqu inizjattivi f’lokalitajiet differenti, ħafna drabi b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali biex naraw kemm li jkollna żoni miftuħin li jiġu mantnuti jew inkella permezz ta’ proġetti ġodda. U dan biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u nsebbħu l-lokalitajiet tagħna.”
Zrinzo Azzopardi temm jgħid li l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar se jkompli jinvesti b’qawwa f’żoni oħrajn, inkluż l-akbar investiment fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, u f’lokalijiet differenti madwar Malta.