Aktar minn 20,000 tunellata ta’ skart riċiklabbli ddaħħlu lura fl-ekonomija ċirkolari matul l-2023. Dan hekk kif, l-entità governattiva WasteServ ipproċessat u rritornat lura fl-ekonomija din l-akbar kwantità li qatt ġiet irreġistrata f’pajjiżna.
Minbarra hekk, jirriżulta li l-iskart imħallat, li jintrema mid-djar fil-borża s-sewda, ukoll naqas bi 23% biex niżel għall-inqas livelli li qatt irċeviet il-WasteServ fl-aħħar 20 sena.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, fil-Multi Material Recovery Facility tal-kumpanija f’Ħal Far.
Dawn ir-riżultati, li jfissru l-aqwa sena ta’ WasteServ minn meta twaqqfet fl-2002, jikkonfermaw il-progress inkoraġġanti li qed jikseb pajjiżna fit-twettiq tal-pjan fit-tul lejn is-sostenibilità fl-immaniġġjar tal-iskart.
Quddiem dawn ir-riżultati pożittivi, il-Ministru Miriam Dalli rrikonoxxiet il-ħidma tal-pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam mas-separazzjoni tal-iskart.
“Riżultati pożittivi bħal dawn jistgħu jiġu attribwiti biss għall-isforz kollettiv ta’ kulħadd – individwi, familji, negozji, entitajiet governattivi, għaqdiet volontarji u ħafna oħrajn – li lkoll qed nifhmu l-importanza li nnaqqsu u nirriċiklaw l-iskart biex nipproteġu l-ambjent u l-futur ta’ pajjiżna. Dawn il-kisbiet jixhdu wkoll id-deċiżjonijiet u l-investimenti infrastrutturali tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin, fosthom impjanti ġodda għall-ipproċessar sostenibbli u effiċjenti tal-iskart, l-introduzzjoni ta’ inizjattivi ġodda bħal gate fees għall-iskart kummerċjali u l-introduzzjoni tas-separazzjoni tal-iskart mandatorja għal kulħadd is-sena li għaddiet.”
“Dawn riżultati inkoraġġanti li huma pass importanti, imma jikkonfermaw ukoll li pajjiżna jista’ jikseb ħafna aktar. Irridu nkomplu naħdmu flimkien għall-mira ewlenija li nnaqqsu l-iskart li jispiċċa fil-miżbliet għal biss 10% sas-sena 2035. Se nkomplu naħdmu biex nimxu lejn ekonomija ċirkolari u niksbu futur aktar sostenibbli,” temmet tgħid Miriam Dalli.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-WasteServ spjegat kif, fl-aħħar sena, diversi materjali ġew ipproċessati u mibgħuta fi swieq internazzjonali biex jinbidlu fi prodotti oħrajn.
Dawn kienu jinkludu madwar:
• 8,199 tunellata ta’ karti u kartun;
• 2,206 tunellati ta’ metalli differenti;
• 7,411 tunellati ta’ ħġieġ;
• 1,422 tunellata ta’ tipi differenti ta’ plastik;
• 142 tunellata ta’ injam;
• 350 tunellata ta’ ġipsum;
• 297 tunellata ta’ foam.
Minbarra hekk, kien hemm ukoll żieda pożittiva ta’ 35% fl-iskart organiku sseparat li ġej mid-djar u mis-settur kummerċjali meta mqabbel mal-2022.
Dan l-iskart ġie mibdul f’4.1 miljun unit ta’ enerġija, biżżejjed biex jipprovdi sena ta’ elettriku lil madwar 570 dar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, irringrazzja lill-ħaddiema għall-ħidma tagħhom f’dawn l-aħħar snin. Sostna li r-riżultati pożittivi tal-2023 huma wkoll grazzi għall-ftuħ ta’ żewġ faċilitajiet ġodda fl-aħħar sena.
Wieħed, li jinsab fil-kumpless ECOHIVE, li kien jinvolvi investiment ta’ €4 miljun u beda jopera f’Marzu. L-ieħor, li jinsab f’Ħal Far, kien jinvolvi investiment ta’ €22 miljun u kien inawgurat f’Ġunju.
“Dan kollu minbarra l-proġetti li għaddejjin bħalissa, fosthom automated glass sorting line ġdida, li hi skedata li tibda topera sa nofs l-2024, u bħala parti mill-istrateġija ECOHIVE, skip management facility li taċċetta skart goff minn skips u faċilità ġdida għall-ipproċessar tal-iskart organiku li se tieħu post dik attwali. Miexi wkoll ix-xogħol fuq il-proġett tal-waste-to-energy, fejn diġà tlesta l-iskavar tal-impjant,” kompla Bilocca.
Għal aktar tagħrif dwar is-separazzjoni tal-iskart u l-faċilitajiet tal-WasteServ wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali – wsm.com.mt.