Is-suq tal-proprjetà lokali temm is-sena f’livell għoli b’żieda ta’ disa’ fil-mija fl-għadd ta’ konvenji li ġew irreġistrati, waqt li l-valur tal-istess tranżazzjonijiet żdied ukoll b’għaxra fil-mija meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Dan joħroġ minn stqarrija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, li tat ħarsa lejn l-andament fis-suq tal-proprjetà matul l-2023.
B’kollox il-konvenji rreġistrati fl-2023 laħqu s-16,636 b’valur ta’ madwar €4.6 biljun.
Skont l-MDA, dan fisser li s-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ tlieta fil-mija fuq il-valur tal-proprjetà mibjugħa fl-2022 u b’hekk ġiet irreġistrata t-tieni l-aħjar sena fis-suq tal-proprjetà.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi qalet li l-Gvern għandu jkompli jinvesti u jinċentiva aktar bini sostenibbli fl-enerġija, waqt li hi se tkompli tressaq ’il quddiem proposti f’dan ir-rigward biex aktar ċittadini jaffordjaw jixtru proprjetà flok jagħżlu li jgħixu f’residenzi mikrijin, kontra l-maġġoranza tas-swieq Ewropej.