Is-sena li għaddiet kienet waħda rekord fejn jidħlu l-qabdiet tad-droga mill-Pulizija.
Fil-fatt, f’sena, saret qabda rekord ta’ kważi tlett elef kilogramma ta’ droga kokaina. Fl-istess waqt, inqabdu aktar minn disa’ mitt gramma oħra ta’ crack cocaine.
Il-Pulizija qabdet ukoll kważi għoxrin kilogramma ta’ droga eroina, aktar minn tlieta u għoxrin pillola ecstasy, żewġ kilogrammi ta’ droga sintetika u sbatax-il kilogramma Khat.
Is-sena l-oħra, il-Pulizija qabdet ukoll aktar minn mija u sitta u ħamsin kilo pjanta tal-kannabis u sitta u ħamsin sigarett tal-kannabis.
ONE News tkellem mas-Supretendent mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, Keith Arnaud, li spjega kif minkejja l-liġi l-ġdida li tirregola l-użu personali tal-kannabis b’mod responsabbli, l-importazzjoni tal-ħaxixa tibqa’ illegali.
Qal, “Wieħed ma jistax jimporta kannabis lanqas għall-użu personali. Ma jistax jimportaha għax hija illegali u rajna żieda forsi misconception però żgur li wieħed ma jistax jimporta d-droga fejn tidħol kannabis, la għalih u lanqas biex jittraffikaha.”
Il-qabdiet rekord tad-droga rriżultaw ukoll f’aktar persuni li tressqu quddiem il-ġustizzja.
Fil-fatt, il-persuni mressqa l-Qorti s-sena l-oħra fuq traffikar, żdiedu b’sebgħa u sittin fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel; filwaqt li n-nies li importaw id-droga ġol-istonku jew fil-bagalja, u li affaċċjaw il-ġustizzja, ukoll żdiedu bi tlieta u erbgħin fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Staqsejna lis-Supretendent x’jiġri mid-droga, ġaladarba tinfetaħ inkjesta Maġisterjali.
Stqarr, “Jekk għandek inkjesta Maġisterjali, ħa jinħatru l-esperti qabel il-Maġistrat u l-prova tiġi photographed fuq ix-xena tar-reat stess. Minn hemm tiġi ssiġillata f’evidence bag, isiru d-dokumentazzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm irrekordjat dik li ngħidulha ċ-chain of custody biex jinżamm rekord mill-mument li tinqabad id-droga sakemm tiġi preżentata fil-Qorti. Id-droga tgħaddi għand l-espert tal-Qorti biex tiġi analizzata u fost l-oħrajn, wieħed ikun jista’ jifhem il-piż, il-purità u t-tip tad-droga imbagħad eventwlament, id-droga tiġi preżentata fil-Qorti.”
Ġaladarba l-każ jiġi deċiż fil-Qorti, ħafna drabi ssir id-distruzzjoni tad-droga, fi proċess li wkoll jiġi ssorveljat mill-Maġistrat u ffilmjat.
Is-Supretendent spjega magħna kif dan ir-reat ma jista’ qatt isir minn persuna waħedha, u normalment ikunu gruppi ta’ kriminalità organizzata, imsejħa bħal OCGs, li flimkien jikkordinaw l-importazzjoni, it-traffikar u l-pagamenti ta’ flus relatati ma’ din l-attività kriminali.
Qal, “Mix-xogħol li naraw aħna, naraw tipi differenti ta’ OCGs. Naraw OCGs li narawhom iktar fuq livell għoli li jkunu ġo Malta li jkollhom kuntatti ma’ barra minn Malta biex jagħmlu links ma’ OCGs oħra biex jimpurtaw id-droga, imbagħad ikun hemm OCGs oħra ġewwa Malta biex ikunu huma li jqassmu d-droga fis-suq lokali.”
L-investigazzjonijiet tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, ma jiqfux meta persuna titressaq il-Qorti.
Fil-fatt, l-investigazzjonijiet saħansitra jintensifikaw biex ikun hemm stampa ċara dwar il-mod ta’ kif isiru l-pagamenti u l-ħasil tal-flus iġġenerati minn din l-attività kriminali.
Stqarr, “Isiru l-korrispondenzi u l-kuntatti neċessarji ma’ law enforcements oħra barra minn Malta li magħhom naħdmu fir-rutina ta’ kuljum biex naqsmu l-informazzjoni li nkunu ksibna minn dik l-investigazzjoni u tiġi estiża biex nippruvaw nifhmu u naraw min huma l-persuni l-oħra barra minn Malta li qed jagħmlu l-kuntatti hawnhekk biex tiġi importata d-droga.”
Dawn l-investigazzjonijiet ukoll ħallew il-frott, hekk kif is-sena li għaddiet, l-iskwadra għamlet qabda rekord ta’ aktar minn miljun ewro fi flus kontanti.