Is-sena li għadha kemm intemmet, iġifieri l-2023, fissret sena rekord u waħda tajba ħafna għat-Teatru Manoel.
Ċifri li kiseb ONE NEWS juru kif eluf ta’ nies marru għal waħda mis-serati li ttellgħu fit-teatru Nazzjonali ta’ pajjiżna, jekk hux kunċerti mużikali, drammi, żfin, jew anke l-pantomima tal-Milied.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv ta’ Teatru Manoel, fejn żvela kif meta wieħed iħares lejn is-sena 2022, din ingħalqet b’attendenza ta’ 38,000 fit-teatru, dan filwaqt li s-sena 2023 ingħalqet b’attendenza ta’ 58,000 persuna.
“Fit-totalità tal-2023, aktar minn 50,000 persuna ġew it-teatru li jfisser irkupru totali għal dak ta’ qabel il-pandemija u dak mhux talli lħaqna dawn in-numri imma talli wkoll morna b’5,000 persuna aktar.”
It-Teatru, mogħni b’arkitettura Barokka, u wieħed mill-eqdem teatri li għadu jopera fl-Ewropa, għandu żewġ spazji fejn jittellgħu r-rappreżentazzjonijiet;
It-Teatru Ewlieni, l-awditorju storiku b’tiżjin barokk għani li jesa’ 547 persuna bilqiegħda fuq is-siġġijiet fil-platea, fil-palki ta’ fuq il-platea, fil-51 palkett individwali mifruxa fuq tliet livelli, u fil-gallerija. F’dan l-awditorju jittellgħu l-maġġoranza tal-produzzjonijiet.
U l-Istudio, li huwa spazju iżgħar, jesa’ massimu ta’ 60 spettatur bilqiegħda fuq bankijiet bil-kuxxini li jintuża l-aktar għall-implimentazzjoni tal-Programm tat-Tagħlim u l-Parteċipazzjoni, u kif ukoll għat-tlugħ ta’ produzzjonijiet żgħar.
Sadanittant, it-teatru kellu rwol kruċjali wkoll għall-fatt li fi żmien il-festi tal-Milied, matul ix-xahar ta’ Diċembru, fil-Belt Kapitali daħlu eluf ta’ nies, fosthom għall-pantomima annwali.
“It-teatru Manoel qed jikontribwixxi biex in-nies jirritornaw anke ġewwa t-teatri. Il-pantomima din is-sena kienet suċċess enormi, kellna attivitajiet fit-teatru wkoll. Il-pantomima biss f’21 performance ilqajna 10,300 persuna. Dan ifisser full house komplut. Ukoll kellna kunċerti ta’ nofsinhar illi pruvajnihom l-ewwel darba u marru tajjeb immens.
Dan l-istazzjon jinsab anke infurmat kif attivitajiet oħra bħal Fairy Land fi Pjazza Tritoni, l-attivitajiet organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u t-tiżjin tal-Milied f’dawn il-jiem festivi, wasslu biex kuljum il-Kapitali kienet tkun ippakjata nies. Saħanista fl-lejl wieħed, dak ta’ lejliet l-ewwel tas-sena aktar minn 50 elf persuna daħlu għall-attività fi Pjazza San Ġorġ.
Dan innotah anke l-Ministru għall-Wirt Kulturali Owen Bonnici f’kumment li ta’ lil One News.
“Nemmnu li bis-saħħa tal-kultura nistgħu nkomplu ndawru l-Belt f’destinazzjoni għall-Maltin u turisti li jżuruna. Fil-ġimgħat ta’ Diċembru, fejn rajna konkorrenza kbira kellna ħafna u ħafna affarijiet kulturali li jattiraw in-nies lejn il-Belt Kapitali tagħna. Tibda bit-tiżjin u tmur għall-affarijiet li aħna kellna x’noffru lill-Maltin u turisti. Rajna ġranet ippakkjati b’attivitajiet kulturali.”