Kienet sena tajba għall-bejgħ u s-self tal-e-books, jew kotba virtwali.
Dan ikkonfermatu magħna Cheryl Falzon, Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, l-entità li responsabbli mill-libreriji pubbliċi u dik Nazzjonali, li spjegat ukoll li ħafna din is-sena sabu wens bejn il-kliem kollha li sawru l-ktieb favorit tagħhom.
Falzon qaltilna li huwa minnu li s-self fiżiku mill-libreriji naqas anke minħabba s-sigurtà, iżda s-self tal-kotba virtwali ħa spinta kbira ‘l quddiem. Filfatt, bejn Jannar u Novembru tal-2019, is-self ta’ dawn it-tip ta’ kotba bilkemm laħaq it-13,000, iżda fl-istess perjodu ta’ din is-sena, is-self qabeż it-43,000.
Falzon spjegat, “Ebooks huma komdi u disponibbli dejjem. Hemm għażla kbira ta’ titli u din is-sena Malta Libraries investiet ħafna aktar fl-ebooks din is-sena, anke minħabba li konna magħluqa għal tliet xhur.”
Wieħed seta’ jinnota wkoll li anke l-ġeneri tal-kotba li qraw il-Maltin din is-sena, inbidlu.
Hi kompliet tgħid, “Anke tara xi qraw in-nies din is-sena, qraw ħafna aktar ġeneri. Qabel kienu jmorru aktar għal stejjer fittizji, imma din is-sena sselfu ħafna kotba fuq affarijiet li jistgħu jagħmlu d-dar, bħal xogħol fil-ġnien u tisjir. Stajt tara n-nies x’kienu qed jagħmlu waqt lockdown.”
Mistoqsija tagħti ħarsa ġenerali fejn jidħlu t-tendenzi tagħna l-Maltin fejn jidħol il-Qari, Falzon wieġbet li kollox jindika li fl-aħħar snin, aktar minna fittxew il-kumpanija ta’ xi storja.
“Jekk tara l-istatistika tal-aħħar ħames snin, tara li dejjem żdied il-qari. Din is-sena li ġara qisu nbidel il-medium, minflok in-nies isselfu aktar kotba fiżiċi, isselfu aktar e-books. Ma jfissirx li naqsu milli jaqraw.” Temmet tgħid Falzon.