Is-sena 2018 kienet waħda ta’ suċċess għad-Dipartiment tad-Dwana ta’ Malta dan hekk kif qed tiġi meqjusa bħala sena rekord u waħda impressjonanti b’rabta mal-qbid tad-droga.
Wara l-investiment li sar b’mod partikolari f’apparat tal-iscannjar, fit-taqsima tal-klieb u kif ukoll investiment fir-riżorsi umani, l-2018 kienet l-aktar sena pożittiva b’rabta mal-qbid tad-droga.
Dan hekk kif id-Dipartiment tad-Dwana kompla fuq is-suċċess tas-sena ta’ qabel wara li fl-2017 saret qabda ta’ 300 kilo droga kokaina, liema qabda tibqa’ titqies bħala l-akbar waħda li qatt saret f’Malta.
Fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2018, kien hemm qabda ta’ 100 kilo droga kokaina mill-Port Ħieles, 150 kilo droga kannabis u kif ukoll seba’ pakketti li waslu bil-posta u ngħataw lill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ kontra d-Droga għal aktar investigazzjoni.
Bejn April u Ġunju d-Dwana għamlet qabda ta’ żewġ kilo droga kokaina mill-port, tliet kilo droga kannabis mill-Ajruport, 1.6 kilo mill-port u sitt grammi bil-posta, tmien grammi ketaminA li waslu bil-posta u sitt pakketti li waslu bil-posta.
Ix-xhur minn Lulju sa Settembru raw qabda ta’ 95 kapsula kokaina fl-Ajruport, 2 kilo droga eroina fl-Ajruport, kważi 11,000 kilo droga kannabis mill-Port Ħieles, 10 kilo mill-port, 3.5 kilo mill-Ajruport u erba’ pakketti li waslu bil-posta.
Fl-aħħar tliet tax-xhur tas-sena 2018 id-Dwana għamlet qabda ta’ 182 kilo droga kokaina mill-Port Ħieles, 5,020 kilo droga kannabis mill-Port Ħieles, ħames kilo mill-Ajruport u nofs kilo mill-posta kif ukoll pakkett li wasal bil-posta.
B’kollox id-Dwana għamlet qabda ta’ kważi 16,000 kilo droga kannabis, 185 kilo droga kokaina, 100 kilo droga kokaina oħra li kienu segwiti fid-destinazzjoni tagħhom lejn il-Kroazzja, żewġ kilo droga eroina u tmien grammi ketamina.