Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, tenna li s-sena 2018 se terġa’ tkun sena ta’ suċċess. Fisser kif il-gvern beda s-sena mimli enerġija bis-saħħa li ta tmiem is-sena li għaddiet.
“In-nies ħassew is-saħħa tal-ekonomija fi bwiethom u fid-deċiżjonijiet li ħadu. Ħassew is-saħħa fil-konsum u l-ġid li hawn madwarna,” qal Joseph Muscat li għamilha ċara li dan ma jfissirx li dan il-gvern wasal. “Ilni nisma’ hekk ħames snin. Kull darba li niksbu suċċessi ġodda jkun hemm min jgħidlek din ta’ darba u ma tistax tasal iktar. Minflok kull darba jirnexxielna mmorru pass iktar ‘il quddiem,” qal Joseph Muscat.
“Is-sena 2018 se terġa’ tikser kull rekord. Se terġa’ tkun sena ta’ suċċessi. Suċċessi għall-ekonomija, għall-pajjiżna, għall-familja, għan-negozji. Dan għax il-ġid se jkompli jikber u xogħol tagħna u li nwasluh mal-irkejjen kollha tas-soċjetà,” qal Joseph Muscat.
Fisser l-istrateġiji differenti tal-gvern u l-oppożizzjoni. L-oppożizzjoni trid tiddejjen u l-gvern jaħdem mal-privat fejn id-dejn hu l-aħħar għażla.
“Id-dejn huwa ċiklu vizzjuż,” qal Joseph Muscat li tenna “aħna lill-pajjiż id-droga tad-dejn u d-defiċit qtajnijilu.”
Tenna li lill uliedna rridu ngħidulhom “ħudu l-ġid, mela ħudu d-dejn.”
Tkellem dwar iż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u kif li kieku l-gvern m’għamilx ir-riformi fil-qasam tal-enerġija din il-ġimgħa stajna qed nitkellmu fuq il-prezzijiet iktar għoljin tal-enerġija. “Lid-dinja ngħidulha jiżdied kemm jiżdied il-prezz taż-żejt aħna għandna prezzijiet tad-dawl baxxi u baxxi se jibqgħu,” wiegħed il-Prim Ministru li fisser kif din hi l-attitudni pro business li tattira l-investiment.
Irrefera għaż-żieda minima fil-prezz tal-gass b’50 ċenteżmu, li hu inqas miż-żidiet kbar f’pajjiżi oħra. Tenna bħala l-iktar ħaġa importanti k ien il-ftehim li dan jintrabat għal sena sħiħa. “Dan is-serħan tal-moħħ. Din iċ-ċertezza hija fundamentali għall-fiduċja ekonomika,” qal Joseph Muscat li fakkar kif pajjiżna llum għandu surplus.
Tkellem dwar kif is-surplus qed jintuża għal bosta inizjattivi. “Bħal dik li tħabret din il-ġimgħa li ż-żgħażagħ bejn 16 u 20 sena se jivvjaġġaw għal sena sħiħa b’xejn. Dik hi l-bidla fil-mentalità. Dan hu l-mod kif ngħinu lil min għandu bżonn,” qal Joseph Muscat li semma inizjattivi oħra li qed igawdu mis-surplus.
Irrefera wkoll għall-investiment fi proġetti kapitali u l-kultura, li għal ħafna snin kienet tinstema bħala xi ħaġa sekondarja. “Rajna din il-ġimgħa il-maestożita tad-daħla tal-Belt Valletta. Tibda tistaqsi lilek innifsek kif post bħal dak tħalla mitluq għal ħafna snin,” qal Joseph Muscat li rrikonoxxa proġetti li saru mill-gvern ta’ qabel.
“Għalhekk l-istedina tiegħi għall-poplu Malti u Għawdxi kollu hi għas-Sibt li ġej. Is-Sibt li ġej għandha tkun festa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan hu proġett li bdih il-gvern ta’ qabel u komplejnih aħna. Għandha tgħaqqad lil kulħadd. Ix-xewqa tiegħi hi li nara poplu magħqud ħa ngawdu l-ikbar investiment fil-kultura fl-istorja ta’ pajjiżna,” qal Joseph Muscat.