Fl-aħħar erba’ snin kien hemm fuq erba’ mija u ħamsin persuna mressqa l-Qorti mixlija bi vjolenza fuq uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.
Minn tagħrif li ngħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, is-sena 2018 kienet l-aktar li rat prosekuzzjonijiet dwar aggressjoni fuq membri tal-Korp.
Fil-fatt fis-sena msemmija kien hemm 146 persuna li tressqu mixlija bi vjolenza fuq pulizija.
Mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar t’Awwissu tressqu l-Qorti mixlija b’dan ir-reat, 74 persuna.
Din l-informazzjoni tikkonċerna każijiet fejn b’ xi mod il-Pulizija ma tħallitx tagħmel xogħolha waqt il-qadi ta’ dmirijietha u tinkludi theddid u aggressjoni.