Illum saret seduta tal-Parlament li mmarkat edizzjoni oħra tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Għall-edizzjoni ta’ din is-sena il-Kunsill għażel li d-diskussjoni li ssir ta’ kull sena fost iż-żgħażagħ parteċipanti tkun dwar jekk l-abort għandux jibqa’ att kriminali f’pajjiżna.
Il-laqgħa mexxiha l-President tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, li esprima l-pjaċir tiegħu li, għal sena oħra, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ta l-opportunità liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex flimkien jiddiskutu suġġetti ta’ importanza nazzjonali. Huwa qal li jqis il-Parlament taż-Żgħażagħ bħala forma ta’ djalogu informali u proċess ta’ konsultazzjoni bejn iż-żgħażagħ u d-deputati parlamentari.
‘Qegħdin fil-Parlament biex niddiskutu xi ħaġa fl-interess ta’ pajjiżna, u kull impenn pubbliku għandu jkun wieħed ta’ servizz għas-soċjetà. Allura, dan ifisser li wieħed jagħti ’l ħaddieħor it-tajjeb tiegħu u jkun altruista, jiġifieri li jkun umli biżżejjed. Dik hija l-kelma li qed nuża.’
Fost id-deputati Parlamentari li ddiskutew maż-żgħażagħ kien hemm is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, li qalet li t-tema tal-abort ma’ tistax tiġi diskussa b’ċerta tip ta’ mentalità. Qalet ukoll li din it-tema tmur lil hinn mill-politika partiġġjana.
‘Għalhekk, it-tema li qed tiddiskutu intom illum hi waħda li ma tistax tiġi diskussa b’mentalità ta’ kollox abjad jew iswed. Fuq kollox, żgur li mhux tema ta’ jew aħmar jew blu.’
Rebecca Buttigieg saħqet li it-tema tal-abort lanqas ma għandha tkun monopolju tal-politiċi.
‘Ta’ spiss ikun hemm min idur fuqna d-deputati, partikolarment aħna n-nisa, u jistaqsina imma int bħala deputat mara, bħala deputata tal-Partit Laburista, x’taħseb? M’għandix dubju li l-istess mistoqsija ġieli saret lid-deputati sħabi tal-Oppożizzjoni. Mhux l-ewwel darba li għidt, kif wara kollox anke saħaq il-Partit Laburista, kif id-diskussjoni dwar l-abort żgur li mhix xi waħda li hi monopolju tagħna l-politiċi li npoġġu f’din il-Kamra. Bħal ħafna affarijiet oħra fuq kollox, mhix xi diskussjoni li tibda u tispiċċa magħna.’
Jiddiskuti mal-istudenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Huwa qal li l-Gvern minn dejjem ta importanza liż-żgħażagħ għax jemmen sinċerament li ż-żgħażagħ huma l-futur tal-pajjiż. Biss biss, il-Vot 16 kien pass kbir ’il quddiem u dikjarazzjoni ċara ta’ fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
‘L-importanza ta’ dawn it-tip ta’ inizjattivi hija li proprju nagħtu dejjem iktar pjattaformi u opportunitajiet liż-żgħażagħ sabiex jersqu ’l quddiem u ma jiddejqux isemmgħu leħinhom, ma jiddejqux jieħdu sehem fis-soċjetà.’