L-erbatax-il edizzjoni ta’ waħda mill-akbar festi kulturali li ssir fiż-Żejtun, Żejt iż-Żejtun, se ssir b’differenza. Din is-sena l-attività se tkun mifruxa matul ix-xahar t’Ottubru fosthom b’webinars dwar il-kultivazzjoni tal-għelieqi u s-siġar taż-żebbuġ.
Is-Sindku tal-lokal, Doris Abela kompliet tispjega l-attivitajiet li ser isiru.
Hija spjegat: “Ħassejna li Żejt iż-Żejtun minħabba l-popolarità kienet bħala festa, ħassejna li għandna nagħmluha b’mod differenti din is-sena. Se nkunu ndaħħlu lit-tfal tal-iskola, se nkunu qed indaħħlu wkoll lill-pubbliku inġenerali permezz ta’ kompetizzjoni tal-ikel Mediterranju fejn jużaw ħafna wkoll iż-żebbuġa jew inkella ż-żejt tagħha.”
Il-Ministru għall-Kultura, Josè Herrera, spjega li minkejja li l-pandemija gerfxet ħafna mill-avvenimenti kulturali, bi prekawzjonijiet, qed isiru attivitajiet fuq skala iżgħar.
Il-Ministru Herrera stqarr: “Madanakollu ma nistgħux nagħmluhom kif konna nagħmluhom dari. Irridu nagħmluha b’mod aktar galbat, inżommu mal-protocols tas-social distancing u kull protocol li tidettalna s-Supretendent tas-Saħħa u b’kawtela sakemm ikun hemm il-permess aħna mmexxu b’dan il-mod.”
Il-Ministru għall-Biedja u s-Sajd Anton Refalo spjega kif attivitajiet bħall dawn qed ikomplu jagħmlu ġieħ anke lill-prodott Malti.
Huwa qal: “Kemm hu tajjeb, kemm hu għaqli li l-wirt patrimonjali tagħna nippreservawh, mhux għalina biss imma għal ġenerazzjonijiet futuri, u meta ngħid wirt patrimonjali nfisser dak li hu tanġibbli, dak li mhux tanġibbli però wkoll dak li aħna nipproduċu.”