Fi Spazju Kreattiv ġie mniedi il-programm tal-festival ŻiguŻajg, programm ta’ arti u kultura mmirat għal tfal ċkejknin sa adoloxxenti.
Dan il-festival huwa mifrux fuq għaxart ijiem u se jkun kollu online.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal li f’dawn l-għaxar snin li ilu jsir dan il-festival, huwa ressaq bosta tfal lejn l-arti u l-kultura f’pajjiżna.
Huwa spjega: “Qed inħarsu lejn it-tfal bħala l-possibbiltà li jitħajru jidħlu fis-settur kulturali, jiġifieri dik hija element importanti ħafna u wara 10 snin ta’ dan il-festival dak l-element qegħdin narawh.”
Ic-Chairman iddiskriva dan il-festival bħala għodda tajba għas-settur artistiku f’pajjiżna: “L-ieħor hu li dan il-festival huwa għodda b’saħħitha ħafna biex ħloqna settur ġdid ta’ xogħol għall-artisti tagħna li huwa s-settur tat-tfal u l-familji. Illum il-ġurnata għandna numru ta’ artisti li dawn tul is-sena kollha jaħdu fuq proġetti mmirati għal dan is-settur.”
Waqt it-tnedija tal-programm, il-Ministru għall-Arti, Josè Herrera qal li Spazju Kreattiv qed ikun fabbrika t’ideat artistiċi. Il-Ministru Herrera qal li dan is-settur kien fost l-aktar milquta minħabba l-Covid-19, madanakollu permezz ta’ ideat kreattivi u innovattivi instabu mezzi differenti sabiex l-arti u l-kultura titwassal għand il-pubbliku xorta waħda.
Intant, għall-programm li se jittella’ bejn l-20 u 29 ta’ Novembru li ġej wieħed jista’ jżur ziguzajg.org.